Saturday, April 27, 2024

BirdLife Malta tipproponi moratorju fuq il-kaċċa għall-Gamiema fir-rebbiegħa

Aqra wkoll

BirdLife Malta qed tipproponi moratorju fuq il-kaċċa għall-Gamiema fir-rebbiegħa fid-dawl tal-evidenza xjentifika li qalet turi li din l-ispeċi Vulnerabbli kulma jmur qed tkompli tonqos.

Fi stqarrija, Birdlife Malta qalet li din it-talba se titressaq quddiem laqgħa tal-Kumitat ORNIS li se ssir il-ġimgħa d-dieħla biex tiddiskuti l-istaġun li jmiss tal-kaċċa fir-rebbiegħa għall-Gamiema.

BirdLife Malta qalet li kienet diġà ssottomettiet dan ir-rapport lill-membri tal-Kumitat qabel l-ewwel laqgħa li kienet ippjanata għal Marzu.

Qalet li r-rapport jiffoka fuq il-Gamiema u jiddokumenta s-sitwazzjoni marbuta mal-istatus ta’ dan l-għasfur u r-raġunijiet għalfejn din l-ispeċi għandha tkun imħarsa matul il-perjodu kruċjali tal-passa tar-rebbiegħa.

Fil-linja tal-konklużjonijiet ta’ dan ir-rapport, BirdLife Malta ressqet mozzjoni li titlob lill-Gvern Malti biex jerġa’ jdaħħal moratorju fuq il-kaċċa għall-Gamiema fir-rebbiegħa. Dwar dan qalet li se jittieħed vot fl-istess laqgħa li matulha se ssir ukoll diskussjoni fuq proposti biex jinfetaħ staġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa u staġun tal-insib għall-Gamiem – proposti li tressqu mill-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK).

Birdlife Malta qalet li l-proposta biex isir l-insib għall-Gamiem li jinżamm biex jiġi mrobbi fil-magħluq hija tentattiv ieħor min-naħa tal-FKNK biex tagħmel pressjoni fuq il-gvern ħalli jinjora t-talbiet tal-esperti tal-UE biex jitwaqqaf it-teħid ta’ din l-ispeċi madwar l-Ewropa kollha. Fil-passat, Malta twaqqfet milli tkompli tonsob għall-Gamiem permezz ta’ Proċedura ta’ Ksur.

Sport