Wara s-suċċessi li kisbu fix-xena tal-futbol femminili lokali, Birkirkara se jkunu qed jimbarkaw fi proġett ġdid hekk kif mill-istaġun li ġej se jkunu qed jieħdu sehem fil-kampjonat lokali tal-futsal. Il-Ġimgħa li għaddiet saret konferenza stampa li ġiet indirizzata mill-membru tal-kumitat Christian Camilleri, mit-team manager Robert Teuma kif ukoll il-coaches Sinclair Galea u Maria Coppola.
Christian Camilleri qal li d-diskussjoni ma’ Teuma bdew ftit tax-xhur ilu u meta ġiet imressqa din il-proposta aċċetta minnufih, Hu qal li din se tkun l-ewwel darba li t-tim se jiġi rrappreżentat fil-futsal femminili u jinsab ferm eċitat sakemm jibda dan il-proġett.
It-team manager Robert Teuma qal li wara li ilhom tliet snin magħqudin bħala grupp, il-fatt li issa se jkunu qed jirrappreżentaw lir-raħal ta’ Birkirkara jagħmlu ferm kburi. Hu sostna li l-klabb diġa’ beda jaħdem u fil-fatt se jkun qed jipparteċipa anke fil-kampjonat tal-beach soccer.
Tkellmu wkoll il-coaches Sinclair Galea u Maria Coppola li sostnew li se jkunu qed jaħdmu b’sinerġija sabiex it-tim jibda jikseb riżultati pożittivi.

