Friday, April 19, 2024

Birkirkara jdawru telfa f’rebħa b’mod drammatiku

Aqra wkoll

Tliet goals fl-aħħar ħinijiet raw lil Birkirkara jagħmlu rimonta mill-aqwa hekk kif dawru r-riżultat minn żvantaġġ doppju għal rebħa ta’ 3-2 fuq Balzan.

Dawn kienu rebħa u tliet punti prezzjużi għat-team immexxi minn Andre Paus li tarahom isaħħu posthom fir-raba’ post tal-klassifika, punt wieħed biss wara Hamrun Spartans. 

Min-naħa l-oħra, għal Balzan, dan kien riżultat ferm diżappuntanti meta wieħed iqis li gawdew minn vantaġġ komdu u meritat għal kważi l-partita kollha iżda fl-aħħar raw kollox itir mar-riħ u jħallu Ta’ Qali b’idejhom vojta.  

Fil-fatt minkejja li l-Karkariżi ħarġu aktar aggressivi, kienu Balzan li ħolqu l-ewwel ċansijiet ta’ skor permezz ta’ Mijic, fit-tmien minuta, b’xutt li kien mxellef f’corner u wara bi free-kick tal-istess Mijic li għadda ftit għoli tmien minuti wara. 

Madankollu, fil-31 minuta, huma fetħu l-iskor meta ALEKSA ANDREJIC skorja minn penalty wara li Bojan Kaljevic twaqqa’ fil-kaxxa mill-goalkeeper Taljan, Luca Savelloni, li kien qed jiddebutta għal Birkirkara. 

Did-39 minuta, Uros Ljubomirac seta’ għamilhom tnejn b’xutt dja­gonali mil-lemin li għadda ftit barra. Hekk kif deher li kien qiegħed iberraq għal Birkirkara, Paus għamel żewġ bidliet meta daħħal lil Oscar Carniello u debuttant ieħor Ngissah Bismark.

Iżda żewġ minuti minn tmiem l-ewwel taqsima, Bal­zan irduppjaw. Andrejic għadda l-ballun lejn UROS LJUBOMIRAC li dar ma’ difensur qabel għeleb lil Savelloni b’xutt fil-baxx minn barra l-kaxxa liema tentattiv seta’ jiġi miżmum faċilment mill-goalkeeper ta’ Birkirkara.

Għat-tieni taqsima, Savelloni ċeda postu lil Amara Sylla u daħal ukoll Claudio Bonanni hekk kif il-Karkariżi ppruvaw jdawru l-andament tal-logħba. 

Il-partita baqgħet fuq l-istess andament fejn Balzan bdew jikkontrollaw lill-avversarji … sakemm erba’ minuti mit-tmiem, LUKE MONTEBELLO naqqas il-marġni minn azzjoni ta’ free-kick mogħti minn Aguirre.

Żewġ minuti fuq il-ħin, Birkirkara kisbu d-draw  me­ta Bismark niżżel lejn is-sostitut JED VALLETTA li dendel il-ballun għal ġox-xibka.

Balzan baqgħu maħsuda u tliet minuti wara, l-Istripes skorjaw il-goal tar-rebħa hekk kif DIEGO VENANCIO venven xutt b’ saħħtu minn barra l-kaxxa li ma ta ebda ċans lil Jake Galea jsalva. 

Sport