Wednesday, July 24, 2024

Birkirkara lura fil-quċċata wara rebħa fuq Hibernians

Aqra wkoll

Fil-partita prinċipali li kellna din il-ġimgħa, Birkirkara St Helen’s baqgħu fit-tiġrija għat-titlu wara rebħa bi tbatija fuq Hibernians bl-iskor ta’ 6-5. Dawn it-tliet punti li kisbu għenuhom ukoll li jitilgħu fl-ewwel post tal-klassifika flimkien ma’ Gżira United li tilfu l-konfront tagħhom kontra MFPA.

Kienet logħba li apparti l-11-il gowl li ġew skorjati, kien hemm bilanċ assolut bil-Karkariżi li aċċertaw ir-rebħa finali proprju fl-aħħar minuti tal-logħba.

Malcolm Bugeja skorja tliet gowls bi Christian Caruana, Daniel Cremona u Ayrton Buhagiar li żiedu aktar gowls għat-tim tagħhom.

Alan Tabone skorja doppjetta filwaqt li Glenn Bonello, Ilia Nazarov u Jeffrey Chetcuti żammew lill-Pawlisti fil-logħba.

Iċ-champions MFPA komplew bit-triq tal-progress meta għelbu lil-leaders Gżira United 8-2.

Il-Malta Football Players Association ħasdu lill-Maroons hekk kif sa tmiem l-ewwel taqsima l-iskor kien diġa’ 5-1. Huma kkontrollaw il-logħba tant li ħarġu bit-tliet punti l-aktar importanti.

Aleksandar Ribic skorja tripletta filwaqt li Roderick Bajada kien awtur ta’ doppjetta personali. Mark Barbara, Jonathan Bondin u Gareth Sciberras għaqqdu l-iskor għall-MFPA.

Andrew Xuereb u Valdo Alinho naqqsu l-marġni tal-iskor għall-Gżirjani.

Luxol irritornaw għar-rebħ meta għelbu lil Rabat 7-5.

Kienet logħba ferm sabiħa b’Luxol li ddominaw l-ewwel parti iżda bir-Rabtin li bdew jitjiebu għalkemm ir-reazzjoni tagħhom kienet tard wisq.

Michael Galea skorja tripletta għal Luxol b’Manolito Micallef li kien awtur ta’ doppjetta personali., Mauro Camoranesi u Michael Borg Olivier kienu wkoll fost l-iskorers.

Rabat irrispondew permezz ta’ doppjetta ta’ Dylan Falzon b’Adam Smeir, Kevin Loughborough u Joseph Caruana jżidu tlieta oħra għat-tim tagħhom.

Żejtun Red Stars irritornaw għar-rebħ wara li għelbu lil Żurrieq Wolves 6-2.

Renjos Farrugia kien l-eroj għaż-Żwieten meta skorja żewġ gowls bi Pierre Spiteri, Charlo Debattista, Ryan Theuma u awtogowl li żiedu l-marġni tal-iskor għat-tim tagħhom.

Ahmed Trabelsi u Christian Bezzina naqqsu l-iskor għaż-Żrieraq.

KLASSIFIKA – VMFA CISK PREMIER LEAGUE

Gżira United, Birkirkara St Helen’s 22, MFPA 20, Hibernians 15, Luxol 13, Żejtun Red Stars 12, Rabat Veterans 10 , Żurrieq Wolves 3

Ekonomija

Sport