Wednesday, July 24, 2024

Bjorn Vassallo konfermat bħala president tal-Malta FA għall-erba’ snin li ġejjin

Aqra wkoll

Bjorn Vassallo reġa’ ġie elett fil-kariga ta’ president tal-Malta Football Association għall-perjodu 2024-2028 waqt l-Assemblea Ġenerali li saret nhar il-Ġimgħa fil-Grand Hotel Excelsior, il-Furjana.

Vassallo kiseb 62 vot filwaqt li Micallef kiseb 6voti. Kien hemm vot wieħed invalidu.

Eleġibbli għall-vot kienu t-53 klabb membru flimkien mad-delegati li jirrappreżentaw l-assoċjazzjonijiet membri, jiġifieri Futsal Malta Association, Gozo Football Association, GIDA, Gozo Youth FA, Inter Amateur Soccer Competition, Industries Sports Association, Malta Amateur Football Association, Malta Beach Soccer Association , Malta Employees Sports Association, Malta Football Coaches Association, Masters Football Malta, Malta Football Players Association, Malta Football Referees Association, Swan League, Veterans Malta Association u Youth Football Association għal total ta’ 69 vot.

Dan se jkun it-tieni mandat ta’ Vassallo bħala president tal-Malta FA.

Wara li serva ma’ San Gwann Football Club fl-irwoli ta’ viċi-president u segretarju, Bjorn Vassallo serva bħala Kap Eżekuttiv tal-Malta Football Association bejn Awwissu 2010 u Lulju 2014 meta nħatar Segretarju Ġenerali tal-assoċjazzjoni, imbagħad mar fil-FIFA. fejn serva bħala Direttur għall-Ewropa bejn Diċembru 2016 u Lulju 2019. Bjorn Vassallo ġie elett president tal-Malta Football Association f’Lulju 2019 wara li kiseb 83 mill-137 vot mitfugħa, kontra l-54 vot li kiseb Dr Chris Bonett.

Ta’ nota huwa l-fatt li l-viċi-president Anzjan Ludovico Micallef mhux qed joħroġ għall-elezzjoni mill-ġdid wara li serva għal 26 sena bħala viċi-president tal-Malta FA.

Il-Bord Eżekuttiv innominah bħala Membru Onorarju tal-Malta FA u din in-nomina ġiet approvata mill-Assemblea Ġenerali.

F’diskors qasir, Ludovico MIcallef qal li ilu jservi fl-assoċjazzjoni 42 sena fi ħdan il-Kumitat Eżekuttiv. Qal li matul dawn is-snin, ħadem ma’ erba’ presidenti – Dr George Abela, Dr Joe Mifsud, Norman Darmanin Demajo u Bjorn Vassallo – li kollha għamlu ħafna għall-ġid tal-logħba. Huwa ftakar f’numru ta’ nies li ħadmu qatigħ għal-logħba iżda li mietu fis-snin li għaddew.

Micallef temm billi rringrazzja lill-assoċjazzjoni talli seta’ jservi għal 20 sena fil-Kumitat taż-Żgħażagħ tal-UEFA.

Intant preżenti għall-Assemblea Ġenerali kien hemm il-viċi-president tal-UEFA u l-President tal-FIGC Gabriele Gravina, Thierry Favre – Deputat Direttur tal-Assoċjazzjonijiet Nazzjonali fil-UEFA u Elkhan Mammadov – Direttur tal-FIFA, Assoċjazzjonijiet Membri Ewropa.

Gabriele Gravina faħħar lill-Malta FA talli ospitat b’suċċess avvenimenti kbar bħall-Kampjonat tal-UEFA ta’ taħt id-19-il sena u logħbiet ta’ profil għoli bħall-Kwalifiki Ewropej riċenti kontra l-Ingilterra u l-Italja.

Gravina feraħ lit-tim nazzjonali tan-nisa Malti għar-rebħ tal-promozzjoni għal- League B tal-UEFA Women’s Nations League. Qal li din kienet prova li l-investiment qed jagħti l-frott. Qal li permezz tal-programm Hat-Trick, il-UEFA kienet qed tappoġġja lill-grassroots. Huwa kompla li l-assoċjazzjonijiet se jkunu qed jirċievu total ta’ 935 miljun Ewro, jiġifieri kull assoċjazzjoni tista’ tirċievi sa 17-il miljun Ewro f’erba’ snin.

Il-viċi-president tal-UEFA u l-president tal-FIGC komplew jitkellmu dwar l-istrateġija tal-UEFA li għadha kif tnediet għall-perjodu 2024 sal-2030 – ‘United for Success’ – ‘Magħquda għas-Suċċess’.

Huwa qal li Bjorn Vassallo kien parti mit-tim li ħadem fuq din l-istrateġija

Kompla li Vassallo kien membru tat-tim li ħadem fuq din l-istrateġija tal-UEFA li se tiffoka fuq seba’ oqsma ewlenin – tkun fil-qalba tas-soċjetà, tiżgura opportunitajiet għal kulħadd mill-grasroots sal-elite, issaħħaħ il-prinċipji fundamentali tal-logħba, naħdmu flimkien għall-ogħla standards ta’ governanza, torganizza kompetizzjonijiet ta’ klassi dinjija, timmassimizza l-potenzjal tal-futbol tan-nisa u ssegwi kultura ta’ sostenibbiltà.

Min-naħa l-oħra Elkhan Mammadov qal li l-FIFA Forward kien wieħed mill-aktar programmi prominenti ta’ żvilupp sportiv li jappoġġja l-assoċjazzjonijiet madwar id-dinja.

Mammadov feraħ lit-tim nazzjonali tan-nisa Malti għall-promozzjoni tiegħu għal League B tal-UEFA Women’s Natioan League, u qal li r-riżultati miksuba minn Malta kienet pass fid-direzzjoni t-tajba billi investiet fil-futbol tan-nisa. Huwa faħħar lill-Malta FA talli ħadmet fuq strateġija ġdida għall-futbol tan-nisa u qal li jinsab ċert li l-FIFA u l-UEFA se jkunu qed jappoġġjaw lill-Malta FA f’dan.

Mammadov żied jgħid li l-organizzazzjoni tal-Kampjonat tal-UEFA ta’ taħt id-19-il sena kienet mument importanti għal Malta.

Intnat, Dr Maria Azzopardi, Dr Matthew Paris u Adrian Casha ġew eletti għall-karigi ta’ viċi-presidenti tal-Malta Football Association għall-perjodu 2024-2028.

Din hija l-ewwel darba li se jkun hemm viċi-president mara wara bidla fl-istatut tal-assoċjazzjoni li kienet tipprovdi għall-viċi-president mara bħala waħda mit-tliet viċi- presidenti.

Fl-elezzjoni għall-kariga ta’ viċi-president mara, Dr Maria Azzopardi kisbet 34 vot, filwaqt li Christabelle Chetcuti kisbet 22 vot u Dana Farrugia 13-il vot.

Christabelle Chetcuti u Dana Farrugia t-tnejn kienu eliġibbli biex joħorġu għall-elezzjoni taż-żewġ viċi-presidenti l-oħra iżda Farrugia rtirat in-nomina tagħha.

Il-president tal-Gozo FA Dr Samuel Azzopardi kiseb 15-il vot, Adrian Casha 19-il vot, Christabelle Chetcuti 12-il vot, il-president ta’ Lija Athletic Dr Peter Fenech 19-il vot, il-president ta’ Marsaskala FC Pierre Miceli ħames voti u Dr Matthew Paris 59 vot.

Dr Matthew Paris ġie elett iżda kienet meħtieġa elezzjoni oħra biex jiġi ddeterminat il-viċi-president l-ieħor peressli Adrian Casha u Dr Peter Fenech kisbu t-tnejn l-istess numru ta’ voti.

Fl-elezzjoni l-oħra, 67 vot ġew mitfugħa iżda kien hemm vot wieħed invalidu. Adrian Casha kiseb 36 vot u Dr Peter Fenech 30 vot.

Għalhekk Dr Matthew Paris u Adrian Casha żammew posthom. Il-viċi-president Anzjan Ludovico Micallef, min-naħa l-oħra, ma ppreżentax ruħu għall-elezzjoni mill-ġdid.

Ekonomija

Sport