Wednesday, July 24, 2024

Blackball: Johan Attard b’riżultat eċċezzjonali fl-IPA Professional Tour

Aqra wkoll

Il-plejer Malti Johan Attard kiseb riżultat eċċezzjonali għalih u għal pajjiżu meta wasal sal-finali tal-IPA Professional Tour tal-Blackball li sar fil-belt Ingliża ta’ Coventry. Hu kien sfortunat li tilef 10-9 fil-finali kontra l-Ingliż Clint I’Anson f’logħba ferm bilanċjata. F’ħin minnhom Attard kien qed jirbaħ 9-7 iżda I’Anson għamel sensiela ta’ erba’ sebat u suwed li bihom baqa’ għaddej jirbaħ frame wara l-ieħor sabiex rebaħ din il-finali.

Il-mixja ta’ Attard tul din il-kompetizzjoni kienet waħda impressjonanti hekk kif ipproduċa logħob ferm sabiħ. Hu għeleb liċ-champion tad-dinja renjanti Gareth Hibbot 8-6 sabiex għadda għall-kwarti tal-finali. Hemmhekk hu ried jaffaċċja liċ-champion renjanti Ewropew Craig Marsh fejn rebaħlu 9-5 sabiex għadda għas-semifinali.

Fil-fażi tal-aħħar erbgħa, Attard wera l-aqwa logħob tiegħu hekk kif baqa’ sod minkejja l-isfida iebsa li tah il-plejer Ingliż Lee Shepherd sabiex rebaħ 9-8 b’mod drammatiku.

Dan kien wieħed mill-aqwa riżultati li plejer Malti qatt akkwista f’dan il-livell professjonali.

Fl-azzjoni kien hemm ukoll Clint Grima li ġie eliminat fil-fażi tal-aħħar 64.

Ekonomija

Sport