Wednesday, July 24, 2024

Hockey: Qormi Daikin fil-finali wara rebħa kbira

Aqra wkoll

Qormi Daikin ikkwalifikaw għall-finali tal-Euro Hockey Challenge 2 meta f’Ġibilta’ kisbu rebħa kbira ta’ 10-0 kontra Roslagens tal-Iżvezja. Din kienet l-ikbar rebħa li klabb Malti tal-hockey kiseb fuq livell Ewropew. Barra minn hekk, il-Qriema kisbu l-ewwel post fil-grupp tagħhom meta rreġistraw 12-il punt minn tliet logħbiet.

Ayrton Falzon kien il-protagonista għall-Qriema meta skorja tliet gowls filwaqt li Keith Calleja kien awtur ta’ doppjetta. Luke Bajada, Keith Bajada, Axel Cauchi, Steve Tanti u Julian Zahra ipparteċipaw fil-festival tal-gowls għall-Qriema.

Issa Qormi jilagħbu l-finali kontra Soroksari Olcote li spiċċaw fit-tieni post f’pool A bil-logħba tibda fis-1pm.

Sadanittant l-istess Soroksari għelbu lil Trust Payments Floriana Young Stars 3-0. Dawn tal-aħħar tilfu l-logħbiet kollha li lagħbu f’pool A u għalhekk se jilagħbu l-logħba ta’ klassifikazzjoni kontra Ginstrekte tal-Litwanja.

L-Ungeriżi ta’ Soroksari skorjaw il-gowls tagħhom permezz ta’ Bence Szigeti, Balazs Szuchy u Andras Hortobagyi.

KLASSIFIKA – POOL A

Eagles HC 15, Soroksari 11, Furuset 6, Floriana Young Stars 1

KLASSIFIKA – POOL B

Qormi Daikin 12, HC Luxembourg 11, Ginstrekte 8, Roslagens 0

Ekonomija

Sport