San Ġwann Tiki Taka A xejn ma sabuha faċli sabiex għaddew għas-semifinali tal-Community Easter Trophy tal-Blackball wara li għelbu lil Qormi Anici D 23-21.
Kienet logħba bilanċjata għall-aħħar fejn wara li l-Qriema rebħu l-ewwel leg 11-9, it-tim minn San Ġwann irnexxielu jirreġistra l-istess skor favurih sabiex l-iskor kien dak ta’ 20-20.
Minn hemm kellha tinfetaħ kaxxa oħra sabiex jiġi dikjarat ir-rebbieħ ta’ dan il-konfront b’San Ġwann Tiki Taka li rebħu ż-żewġ frames ta’ wara u eventwalment għaddew għal mal-aħħar erbgħa.
Fil-kwarti tal-finali l-oħra, Juve Birkirkara A u Juve Birkirkara B ftit sabu diffikulta’ sabiex għelbu lil Qormi Anici E (21-13) u San Ġwann Nick’s B (21-11) rispettivament.
Taċ-Ċaċċu saru r-raba’ semifinalist wara li għelbu lil Taċ-Ċaċċu Qormi 21-14.
Sadanittant is-semifinali ta’ din il-kompetizzjoni jintlagħbu fuq żewġ legs bejn it-Tnejn u l-Erbgħa fejn Taċ-Ċaċċu jaffrontaw lil San Ġwann Tiki Taka A filwaqt li Juve Birkirkara A jilagħbu kontra Juve Birkirkara B.
Matul din il-ġimgħa se jkun hemm ukoll is-semifinali tan-National Easter Trophy fejn Valletta Breakwater jilagħbu kontra Cospicua Rangers filwaqt li San Ġwann Nick’s A jaffrontaw lil Ħamrun 147 A.
Finalment mir-Regional Easter Cup, Domus Kids Żejtun A jieħduha kontra PL Balzan A filwaqt li Ħamrun 147 C jilagħbu kontra Ħamrun 147 D.