Friday, April 12, 2024

Firilla ta’ 100 sena ser terġa’ ssalpa bis-saħħa ta’ proġett ta’ restawr li se jippreserva din il-qoxra tal-baħar

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici flimkien ma’ Marsaxlokk Heritage b’kollaborazzjoni mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u Heritage Malta varaw proġett bl-isem ta “Restawr ta’ Qoxra tal-Baħar.”

Dan il-proġett għandu l-għan li jirrestawra dgħajsa tradizzjonali tal-injam li kienet ġiet abbandunata.

Il-Ministru Owen Bonnici spjega li dan il-proġett iħares li jippreserva l-arti u s-sengħa tad-dgħajjes tradizzjonali billi jirrestawra dgħajsa tal-injam li kienet kompletament mitluqa.

“Din id-dgħajsa partikolari ta’ mitt sena li ser tiġi rrestawrata hija waħda mid-dgħajjes tal-injam użati mis-sajjieda u ftit minnhom għadhom jaħdmu sal-lum,” qal il-Ministru Bonnici. Huwa spjega li storikament l-iskop tad-dgħajsa kien li tittrasporta l-passiġġieri madwar il-portijiet, u aktar tard evolviet f’qoxra tas-sajd. Huwa spjega li fil-proċess ta’ restawr, id-dgħajsa se tkun armata bit-tarkija, li hu qlugħ tradizzjonali li se jkun attrazzjoni ewlenija għal min iżur il-port ta’ Marsaxlokk.

Min-naħa tiegħu l-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta Noel Zammit saħaq li huwa unur għall-aġenzija li tkun parti minn tim tant b’saħħtu li se jaċċerta li dak li b’tant għożża u fortuna għadda għandna jkun jista’ jibqa’ jiġi apprezzat minn min ġej warajna wkoll. Huwa semma kif, grazzi għat-Taqsima tad-Diġitizzazzjoni fi ħdanha, Heritage Malta se tkun ukoll qiegħda tiddokumenta l-proġett, li jikkumplimenta diversi proġetti oħrajn tagħha li qed iwessgħu l-wirt storiku restawrat, imħares u magħmul aċċessibbli għat-tgawdija tal-pubbliku.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Carlo Micallef faħħar lid-Dipartiment tal-Iżvilupp tal-Prodott tal-MTA għar-rwol ċentrali tiegħu fil-preservazzjoni tal-identità u l-wirt Malti permezz ta’ diversi inizjattivi madwar Malta u Għawdex.

Huwa enfasizza li dan il-proġett huwa xhieda tad-dedikazzjoni tal-Awtorità li tarrikkixxi l-esperjenza awtentika tat-turist fil-gżejjer Maltin, minbarra l-isforzi ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-Awtorità biex tattira t-turiżmu lejn Malta. Micallef enfasizza l-importanza li tintwera l-essenza awtentika tal-gżejjer Maltin lill-viżitaturi, bil-għan li toffrilhom esperjenza unika u b’valur miżjud, li tiddistingwi l-gżejjer tagħna mill-kompetizzjoni ta’ madwarna.

Ryan Abela, mill-NGO Marsaxlokk Heritage, faħħar din l-inizjattiva. Huwa qal, “Qegħdin nimmiraw li dan il-proġett ikun l-ewwel imbuttatura għal restawr ta’ ħafna dgħajjes tradizzjonali oħra. B’hekk nisperaw li dawn il-qxur jiżdiedu u jkomplu jsebbħu l-portijiet tagħna Maltin, kemm għar-residenti, kif ukoll għat-turisti li jżuruna. Dan il-proġett huwa kollaborazzjoni pożittiva bejn tliet entitajiet minn setturi differenti li ngħaqdu f’daqqa għal għan komuni.”

Il-pubbliku se jkollu l-opportunità li jara kull stadju ta’ dan il-vjaġġ notevoli ta’ restawr, peress li ser jiġi dokumentat. Mat-tlestija, il-Firilla ser tiġi rmiġġata fil-port ta’ Marsaxlokk, il-qlugħ tradizzjonali tagħha b’dehra attraenti għal dawk kollha li jżuruhom. Fid-dawl tal-għeruq storiċi tagħha, l-għan finali huwa li jkun hemm firilla kompletament operattiva użata biex iġġorr turisti u dilettanti fuq tours edukattivi tal-port, li jenfasizzaw fuq l-istorja marittima ta’ Marsaxlokk u ta’ Malta.

Ekonomija

Sport