Saturday, May 4, 2024

Bosta famlji attendew għal Open Day f’Għar Dalam u Borġ in-Nadur

Aqra wkoll

Nhar is-Sibt, 20 ta’ April, numru kbir ta’ familji attendew għal Open Day f’Għar Dalam u Borġ in-Nadur f’Birżebbuġa li kienu miftuħin bla ħlas il-ġurnata kollha.

Għar Dalam huwa l-eqdem sit preistoriku ta’ Malta u fih evidenza tal-ewwel preżenza tal-bniedem fi gżiritna daqs 7,400 sena ilu. Fillieri sħaħ ta’ għadam tal-annimali li jixħtu dawl fuq dawk iż-żminijiet u li nstabu fl-għar li għalih hu msemmi s-sit, huma esebiti bi stil Vittorjan. L-għar innifsu fih numru ta’ stalaktiti u stalagmiti u huwa mogħni b’varjetà ta’ formazzjonijiet ta’ blat.

Attenda wkoll għal din l-Open Day il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici li ltaqa’ ma’ diversi familji li attendew.

Il-pubbliku seta’ jżur ukoll is-sit ta’ Borġ in-Nadur, li jinsab ftit ’l isfel minn Għar Dalam. B’pożizzjoni unika bejn żewġ widien – Wied Żembaq u Wied Dalam – dan is-sit Neolitiku ġie skavat fis-snin 20 tas-seklu 20 mill-arkeologa Margaret Murray, li s-sejbiet tagħha kienu kruċjali biex wieħed jifhem aħjar ċerti aspetti tal-preistorja Maltija.

Il-jum tas-Sibt fiż-żewġ siti kien imżewwaq b’bosta attivitajiet għall-familja kollha. Fost oħrajn, kien hemm attivitajiet għat-tfal, tagħrif dwar kif wieħed jista’ jissieħeb ma’ Heritage Malta jew jikseb il-passaport tal-aġenzija, kif ukoll kotba ta’ Heritage Malta għall-bejgħ.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport