Diversi spettaturi f’Hong Kong li marru biex jaraw lil Lionel Messi jilgħab f’partita ta’ ħbiberija li Inter Miami lagħbu kontra selezzjoni mill-istess pajjiż, baqgħu b’xiber imnieħer hekk kif ħallsu biljett li kien jiswa €115 u fil-verita’ ma raw xejn.
Messi kien xi ftit imweġġa’ u għalkemm kien fl-iskwadra, hu ma lagħabx f’din il-logħba. Biex l-affarijiet ikomplu jiġu agħar lanqas l-attakkant internazzjonali Urugwajan Luis Suarez ma deher.
Madwar 38,323 spettatur marru biex jaraw din il-partita li spiċċat b’ħafna ibbuwjar u tisfir hekk kif deher evidenti li l-biljett li ħallsu ma kienx jiswa karlin.
It-tisfir żdied iktar meta deher is-sid ta’ Inter Miami David Beckham jipprova ‘jirringrazzja’ lill-pubbliku talli ġew jaraw lit-tim tiegħu.