Monday, April 29, 2024

Bouncer li kien involut f’aggressjoni f’Paceville jinżamm arrestat fuq traffikar ta’ droga

Aqra wkoll

Raġel li jaħdem bħala bouncer u li kien tressaq il-Qorti b’rabta ma’ agressjoni f’Paceville, inżamm arrestat. Dan wara, li nqabad fil-pussess ta’ 50 borża żgħira mimlija bil-kokaina lesta biex tinbiegħ.

Quddiem il-Maġistrat Monica Vella, ġie spjega kif l-akkużat ta’ 35 sena mis-Serbja, residenti Baħar iċ-Ċagħaq, twaqqaf mill-Pulizija f’Paceville, wara jiem ta’ osservazzjoni nhar il-Ħamis li għadda.

Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Jonathon Pace spjegat kif il-Pulizija kienu avżati li r-raġel kien qed ibigħ id-droga f’Paceville, u kien arrestat hekk kif kien ħiereġ mill-karozza tiegħu.

Malli ġie arrestat, l-akkużat ammetta li kien fil-pussess tad-droga. Minn tfittxija li għamlu fil-karozza tal-akkużat, sabu li kien hemm 70 gramma ta’ kokaina mqassma f’50 borża f’ammonti differenti, kif ukoll tagħmir tal-użin tad-droga.

Hu qed ikun akkużat b’assoċjazzjoni bi skop ta’ traffikar tad-droga, traffikar u pussess tal-kokaina, kif ukoll li wettaq dawn ir-reati qrib post fejn jiltaqgħu ż-żagħżagħ.

Id-Difiża mmexxija mill-avukati Jessica Formosa u Shazoo Ghaznavi ma għamlux talba għall-ħelsien mill-arrest.

Sport