Monday, May 13, 2024

Inawgurat restawr estensiv li sar fuq il-faċċata tal-Knisja tal-Franġiskani ta’ Ġiezu’

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici inawgura t-tlestija ta’ restawr fuq il-faċċata tal-Knisja tal-Franġiskani ta’ Ġieżu li tinsab fil-kantuniera ta’ Triq San Ġwann u Triq Sant’Ursula fil-Belt Valletta.

Il-Ministru Bonnici spjega li dan ir-restawr tlesta propju biex il-Knisja tkun tista’ titgawda fis-sbuħija kollha tagħha għal żmien ir-Randan u sussegwentement l-Għid: “Huwa kbir in-numru ta’ persuni li jżuru din il-Knisja, speċjalment fiż-żminijiet tar-Randan u fl-Għid. Ninsab ċert illi l-għarfien ta’ din il-Knisja tant maħbuba fil-Belt se jkompli jiżdied u dan ir-restawr jgħin ħafna biex din il-Knisja tkompli tokkupa post importanti fil-qlub tal-Maltin u l-Għawdxin.”

Dr Bonnici kompla jgħid: “Permezz tax-xogħol u tad-dedikazzjoni tal-ħaddiema, dan ir-restawr qed jgħin sabiex din il-Knisja tkompli tkun tempju mill-isbaħ u tkun tista’ titgawda mill-ġdid kemm minna l-Maltin kif ukoll mit-turisti li jżuru dawn il-postijiet.”

Il-Perit Jean Frendo mid-Dipartiment tar-Restawr u Preservazzjoni spjegat: “Peress li l-faċċata tal-Knisja fi Triq San Ġwann tinsab fi triq kemmxejn dejqa u dellija, kienet ikkaratterizzata minn qoxra sewdinija bijoloġika speċjalment fil-gwarniċuni u l-pediment, il-ġebla kienet qed tfarfar u titmermer f’ċerti partijiet bħal frontispizju u b’hekk intilef ċertu dettal arkitettoniku.”

Ix-xogħol ta’ restawr fuq il-Knisja beda f’Ottubru tal-2022 fi Triq Sant’Ursula fejn l-interventi kienu jinkludu x-xogħol ta’ tindif, bdil ta’ ġebel, tikħil u mili tal-fili skont il-bżonn. Żebgħa, kisi bis-siment u tikħil li sar fil-passat tneħħa b’attenzjoni kbira minn fuq il-faċċata biex ma ssir l-ebda ħsara lil-ġebla oriġinali.

Qabel beda x-xogħol, tħejjew pjanti tal-faċċati biex juru l-forom ta’ deterjorazzjoni u l-interventi li jridu jsiru. Fejn il-ġebel instab li tmermer iżżejjed, dan ġie immarkat fuq il-post biex jinbidel b’ġebel ġdid bl-istess għoli bħal dak oriġinali. Il-balavostri tal-kampnar kienu wisq immermrin u kellhom jinbidlu kollha. Tikħil b’taħlita ibbażata fuq il-ġir intużat biex jerġa’ jinbena l-wiċċ tal-ġebla fejn il-ħsara fil-ġebla kienet limitata biex innaqqsu l-bdil ta’ ġebel. It-tikħil tal-fili sar ukoll b’taħlita ibbażata fuq il-ġir. Fl-aħħar, velatura ngħatat ‘l faċċata biex jittaffa l-impatt viżiv tal-ġebel il-ġdid.

Ix-xogħol ta’ restawr, li issa wasal fi tmiemu, tmexxa taħt is-superviżjoni tad-Dipartiment tar-Restawr u Preservazzjoni. Hu mistenni li x-xogħol jiswa madwar mitejn u għoxrin elf Euro (€220,000).

Sport