Friday, May 3, 2024

BRUSSELL

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Jien wieħed minn dawk li japprezzaw il-belt ta’ Brussell. Lil oħrajn  ma tantx timpressjonahom. 

Jekk iqabbluha ma’ Londra jew Pariġi, ħaġa ovvja: ma tikkompetix fl-interess; jekk ma’ Strasburgu jew Milan – ma naqbilx li tiġi warajhom. Bħala post fejn tgħix – mhux biss fejn iżżur għal ftit taż-żmien minkejja li hi belt ta’ daqs mezzan, mhux xi megapolis, toffri attrazzjonijiet sostanzjali u ssostni ambjent urban li hu pjaċevoli.

Għandi konflitt ta’ interess forsi għax ilu ħafna għext għal 5 snin hemm u fl-aħħar għaxar snin jew kważi, l-ħin kollu tiela’ u nieżel. Xorta waħda, minkejja li jintqal li hi monotona, naraha bħala belt li toffri s-sorpriżi tagħha (li ġeneralment jibqgħu sorpriżi ċivili u fl-istess ħin varjati) mingħajr briju u fanfarunati żejda.

X’hemm aħjar minn hekk? – anke jekk it-temp imbagħad jissemma bħala l-aqwa difett ta’ Brussell għax “dejjem” griż.

PREZZ TAL-ĦALIB

Il-prezz tal-ħalib se jogħla għat-tieni darba f’qasir żmien. Qed jintqal li b’dit-tieni darba l-għan hu li jinħolqu sorsi ta’ fondi li minnhom ikun jista’ jsir investiment kapitali ġdid. Jekk dan hu minnu, dil-ħaġa hi aktar minn kurjuża.

Investiment kapitali ma jsirx mil-lum għal għada. Irid jiġi ppjanat minn qabel fuq medda twila għax jieħu ż-żmien tiegħu imbagħad sakemm jitwettaq. L-użu tal-fondi li jkollha impriża għad-dispożizzjoni tagħha ħalli tniedi u tmexxi l-investiment jiġi ppjanat sew minn qabel. Dan jinkludi wkoll id-deċiżjonijiet li jittieħdu dwar x’se jsir mill-profitti li jkunu nkisbu: kemm minnhom se jitqassmu lis-sidien ta-ishma fl-impriża, kemm se jinżammu fil-ġenb bħala lqugħ għall-kriżijiet li jistgħu jinqalgħu u għall-investiment tal-futur.

Hu f’dal-qafas li d-deċiżjoni biex jogħla l-prezz tal-ħalib jeħtiġilha kjarifika.

L-IMPATT TAL-ETS

Qed jintqal u se jibqa’ jintqal ħafna fuq l-impatt tat-taxxa ambjentali msejħa ETS iċċarġjata fuq il-fjuwil tal-vapuri. M’hemmx dubju li tolqot ħażin lil Malta u lil pajjiżi f’qagħda bħal tagħha. Imma sabu ruħhom f’pożizzjoni żvantaġġjata meta l-pajjiżi membri tal-Unjoni waslu biex jiddeċiedu dwarha. 

  Mhux veru li l-gvern Malti baqa’ ċass quddiem il-problema u m’għamel xejn biex jirribattiha. Bil-maqlub. L-istess għamlu d-deputati Maltin fil-Parlament Ewropew. Biss, dak li dejjem wissejt li seta’ jiġri… li ħaddieħor jispiċċa jiddeċiedi għalina għax nispiċċaw f’minoranza … ġara.

Li baqa’ jgħaġġibni fl-istorja kien kif is-settur privat donnu ma nduna xejn bil-biċċa riesqa minn ilu, ħlief fl-aħħar minuta. Tant das-settur kien favur id-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea li kont nimmaġina li se jżomm ruħu bla waqfien informat bil-“kisbiet” għat-tajjeb u għall-ħażin li l-Unjoni tkun qed tilħaq. 

Sport