Monday, December 9, 2024

Budget favur l-ugwaljanza… iżda hemm bżonn aktar attenzjoni fuq il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata

- NCPE

Aqra wkoll

Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (l-NCPE) laqgħet il-miżuri tal-Budget 2025 li jitneħħa l-VAT minn prodotti sanitarji għan-nisa, jitjieb il-bonus għal dawk li ma jikkwalifikawx għal pensjoni sħiħa, u jintroduċi inċentivi biex tiżdied ir-rata tal-fertilità ta’ Malta.

Madankollu, rigward din tal-aħħar, l-NCPE saħqet li l-gvern irid jindirizza l-ostaklu ewlieni għal rati ogħla ta’ fertilità: in-nuqqas ta’ bilanċ adegwat bejn ix-xogħol u l-ħajja privata.

“It-tneħħija tal-VAT minn fuq prodotti sanitarji u minn fuq oġġetti mediċi relatati mal-kanċer għan-nisa tirrappreżenta pass importanti lejn it-tnaqqis tal-piż finanzjarju li n-nisa jiffaċċjaw bħala konsumaturi. Studji juru li prodotti kkunsmati min-nisa spiss jiswew aktar minn dawk ikkunsmati mill-irġiel, fenomenu magħruf bħala t-“taxxa roża.”

Barra minn hekk, il-prodotti sanitarji huma ħtieġa bażika u essenzjali għas-saħħa u l-benesseri tan-nisa u l-bniet. Billi jonqos il-prezz ta’ dawn l-oġġetti, din il-miżura speċifika għall-ġeneru tippromwovi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u tnaqqas il-faqar mestrwali—li jfisser l-inabbiltà li persuna taffordja taċċessa prodotti mestrwali u faċilitajiet ta’ sanità u iġjene,” qalet l-NCPE. 

“Il-miżura biex jingħata bonus sostanzjalment ogħla lill-individwi li ħallsu xi kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Nazzjonali iżda li ma jikkwalifikawx għal pensjoni sħiħa għandha dimensjoni qawwija ta’ ġeneru, peress li dan il-grupp huwa prinċipalment magħmul minn nisa. Din l-inizjattiva se tgħin biex tnaqqas id-differenza sostanzjali fil-pensjonijiet bejn il-ġeneru f’Malta kif ukoll il-faqar fost in-nisa anzjani.”

“Il-Budget isaħħaħ l-inċentivi finanzjarji biex jappoġġja koppji bi tfal u jinkoraġġixxi rata ogħla ta’ fertilità. Filwaqt li dawn l-inċentivi huma ta’ benefiċċju, hemm bżonn ta’ sforzi addizzjonali biex jintlaħaq l-għan ta’ rata ogħla ta’ fertilità – b’mod partikolari permezz ta’ titjib fil-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, sabiex il-koppji jkunu jistgħu jlaħħqu kemm mar-responsabbiltajiet tax-xogħol kif ukoll ma’ dawk tal-familja b’mod ugwali u effettiv,” kompliet tgħid l-NCPE.

Sadanittant, il-Kummissjoni għadha kemm lestiet studju ta’ riċerka dwar il-perċezzjonijiet u l-attitudnijiet tan-nisa u l-irġiel ta’ età riproduttiva rigward il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, b’enfasi speċifika dwar id-daqs tal-familja. Bħalissa, ir-rata totali ta’ fertilità (TFR) f’Malta hija ta’ 1.13, l-aktar waħda baxxa fost l-Istati Membri kollha tal-UE.

Ir-riżultati juru li, filwaqt li kemm in-nisa kif ukoll l-irġiel jesprimu x-xewqa li jkollhom aktar tfal, hemm diżappunt dwar it-tul u l-livelli ta’ kumpens tal-politiki eżistenti dwar il-leave. Ir-riċerka turi wkoll sejħa qawwija għal leave itwal imħallas, inkluż leave tal-maternità, leave tal-paternità, u leave tal-ġenituri, kif ukoll leave speċifiku għal ġenituri meta t-tfal ikunu morda.

F’dan il-kuntest, l-NCPE appellat lill-gvern biex jindirizza dawn ir-riżultati billi jsaħħaħ il-miżuri tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, b’mod partikolari permezz ta’ leave tal-ġenituri itwal u b’kumpens aħjar.

Ekonomija

Sport