Monday, December 9, 2024

Tirritorna l-kampanja taċ-Children’s Dreams sabiex x-xewqat tal-Milied ta’ ħafna tfal vulnerabbli isiru realtà

Aqra wkoll

Għat-tnax-il sena, il-kampanja taċ-Children’s Dreams qed tirritorna biex tferraħ lil tfal fil-bżonn fi żmien il-Milied, billi tappella biex il-komunità Maltija tagħti sehemha ħalli x-xewqat tal-Milied ta’ ħafna tfal vulnerabbli, isiru realtà.

Imsejsa fuq l-għan li jingħataw rigali personalizzati lil tfal fil-kura tal-istat u dawk li qed jaffaċċjaw sfidi d-dar, din il-kampanja tassigura li kull tifel u tifla jkollhom l-opportunità jesperjenzaw l-ispirtu ta’ ferħ u mħabba li jġib miegħu l-Milied.

Din is-sena, il-kampanja taċ-Children’s Dreams qed tistieden membri tal-komunità biex jingħaqdu id f’id magħha u jnisslu tbissima fuq wiċċ it-tfal, billi jagħtu rigali magħżula miċ-ċkejknin stess.

Fit-tnedija ta’ din il-kampanja, id-Direttur tad-Direttorat tal-Kura Alternattiva, Remenda Grech, qalet li “peress li tiffoka fuq ix-xewqa speċifika ta’ kull tifel u tifla, il-kampanja toffri esperjenza ta’ rigal b’tifsira, biex tali rigal jagħti mhux biss xi ħaġa materjali, iżda anki tama u mħabba lil dawk li l-aktar għandhom bżonn”.

Din l-inizjattiva baqgħet tikber kull sena, tant li fl-2023 ingħataw mal-1,500 rigal min-negozji lokali, organizzazzjonijiet u individwi. Din is-sena, hemm madwar 1,400 xewqa minn tfal li ta’ kuljum jaffaċċjaw realtajiet diffiċli ħafna. Ix-xewqat ivarjaw, minn ġugarelli għal ħwejjeġ, fwejjaħ, kotba u esperjenzi bħal bowling u horse riding.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, Alfred Grixti, qal li dawn it-tfal ikollhom bżonnijiet u xewqat oħra matul is-sena kollha, u fakkar fil-bżonn tal-għajnuna kontinwa biex dawn it-tfal ikollhom opportunitajiet indaqs daqs tfal oħrajn.

Kull min jixtieq jagħti sehmu f’din il-kampanja jista’ jagħżel li jixtri rigal mil-lista li hemm fuq il-pjattaforma onlajn, jew jagħti donazzjoni finanzjarja li tmur biex jinxtraw ir-rigali li jixtiequ t-tfal.

Din il-kampanja tibqa’ għaddejja sat-tlettax ta’ Diċembru u min jixtieq jagħti sehmu jista’ jidħol fuq is-sit elettroniku www.childrendreams.org. 

Ekonomija

Sport