Friday, November 6, 2026
Home Internazzjonali Bumbardament doppju Russu joqtol 40 ruħ fl-Ukrajna

Bumbardament doppju Russu joqtol 40 ruħ fl-Ukrajna

0
68

Il-pulizija tal-Ukrajna ħarġet filmat miġbud b’bodycam li juri l-mumenti bejn żewġ attakki b’bombi qawwija Russi li qatlu mill-inqas 40 persuna f’ċentru ta’ għajnuna u kenn. L-awtoritajiet Ukreni qalu li minbarra dawk li nqatlu, aktar minn 30 persuna li għadhom mitlufa jista’ jkun li huma mirdumin taħt it-tifrik, hekk kif operazzjoni ta’ tiftix kompliet għat-tielet jum.

Il-filmat, minn kamera tal-ġisem li kienet milbusa minn wieħed mill-uffiċjali tal-pulizija li nqatel waqt l-attakk ta’ nhar it-Tnejn, juri residenti tar-raħal ta’ Kamyshuvakha sejrin jiġru lejn xelter taħt l-art wara l-ewwel bumbardament. Ftit wara instemgħet splużjoni oħra li laqtet liċ-Ċentru.

L-attakk b’disa’ bombi, li xi wħud minnhom jiżnu 3,000kg, laqtu lir-raħal hekk kif in-nies kienu qed jinġemgħu u jistennew biex jingħataw għajnuna umanitarja. Ix-xelter kien jinsab qrib skola lokali, li kienet qed tintuża ta’ kenn biex titqassam l-għajnuna umanitarja.

F’kitba fuq il-midja soċjali nhar l-Erbgħa, il-President Ukren Volodymyr Zelensky qal li l-bumbardamenti l-ewwel laqtu lin-nies li kienu ġew biex jirċievu l-għajnuna umanitarja, u mbagħad laqtu lill-ħaddiema tas-salvataġġ u lill-uffiċjali tal-pulizija li kien għadhom kif waslu fuq il-post.

Breazzjoni għal dan, il-President Ukren ilmenta li sfortunatament, ftit li xejn kien hemm reazzjoni mid-dinja għal dan l-attakk “miġnun”, li ddeskrivieh bħala wieħed ieħor minn “eluf” ta’ delitti tal-gwerra mwettqa mir-Russja.

Intant, fi żvilupp separat nhar l-Erbgħa, Zelensky qal li kellu taħdidiet “fid-dettall” mal-mibgħuta tal-President Amerikan Donald Trump, Steve Witkoff u Jared Kushner, qabel in-negozjati trilaterali bejn l-Ukrajna, ir-Russja u l-Istati Uniti li se jsiru fl-10 u l-11 ta’ Novembru f’Abu Dhabi.

Il-mexxej Ukren – li bħalissa jinsab fi żjara sorpriża fi Spanja – qal ukoll li t-tim tiegħu kellu laqgħa separata u “sinifikanti” fi Brussell ma’ rappreżentanti mill-Istati Uniti, l-Unjoni Ewropea, Franza, il-Gran Brittanja, il-Ġrmanja, kif ukoll in-NATO u l-Bank Dinji, dwar ir-“rikostruzzjoni ta’ wara l-gwerra”.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here