Seba’ persuni arrestati b’rabta ma’ allegat traffikar ta’ droga

Aqra wkoll

Tissokta bla waqfien il-ġlieda tal-Korp tal-Pulizija kontra t-traffikar tad-droga b’aktar suċċessi, hekk kif fl-aħħar sigħat ġew arrestati seba’ persuni, f’żewġ investigazzjonijiet separati.

Fl-ewwel investigazzjoni, wara sorveljanza rigward traffikar tad-droga minn proprjetà fi Triq il-Ġerrejja fil-Marsa u minn stabbiliment tax-xorb fl-istess lokalità, wasslet għall-arrest ta’ sitt persuni – ħamest irġiel li l-età tagħhom tvarja bejn 16-il sena u 39 sena u mara ta’ 32 sena.

Matul din l-investigazzjoni u wara diversi tfittxijiet il-Pulizija sabet madwar 165 pakkett suspettata droga sintetika lesti biex jinbiegħu kif ukoll €5,600 fi flus kontanti. Żewġ vetturi li allegatament kienu qed jintużaw għat-traffikar tad-droga ġew ukoll ikkonfiskati.

Intant, f’investigazzjoni oħra separata rigward traffikar tad-droga minn residenza f’San Ġiljan, wasslet għall-arrest ta’ raġel ta’ 39 sena.

Wara informazzjoni li l-Pulizija rċeviet rigward suspett ta’ traffikar ta’ droga fl-akwati ta’ Ta’ Ġiorni u fil-madwar, il-Pulizija bdiet sorveljanza fejn din l-informazzjoni ġiet ikkonfermata.

B’saħħa ta’ mandat t’arrest, il-Pulizija daħlu fir-residenza fi Triq Sir Joseph Carbone, fejn ir-raġel ġie arrestat fuq il-post.

Tfittxija li saret fil-proprjetà, instabet mal-100 gramma suspettata kannabis sintetika maqsuma f’diversi pakketti żgħar, allegatament lesti għat-traffikar, kif ukoll ammont żgħir sustanza suspettata eroina. Ġew elevati wkoll numru ta’ mobiles.

Waqt li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin, aktar tard illum mistennija jitressqu l-Qorti erbgħa mill-persuni arrestati quddiem il-Maġistrat Dr Lara Lanfranco LL.D.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport