Thursday, February 6, 2025

BUROKRAZIJA

Aqra wkoll

Sfida li l-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea qed jaċċettaw bħala waħda vitali għall-kontinent tagħhom, hi li l-Ewropa terġa’ tikseb il-kompetittività ekonomika. Azzjoni ewlenija biex dan jitwettaq, qed jintqal, hi t-tneħħija ta’ regolamentazzjoni komplikata żżejjed. Din qed ittellef il-ħin u żżid fl-ispejjeż. Fuq il-lemin politiku speċjalment, is-sejħa biex jitneħħew jew jittaffew ir-regolamenti li ddaħħlu fl-aħħar snin (mhux l-anqas dwar l-ambjent) saret għajta elettorali, ippreżentata bħala attakk kontra l-burokrazija.

Hu minnu li r-regolamentazzjoni “żejda” jeħtieġ li ssir aktar kompatta u tiġi programmata aħjar. Biss, waħidha dil-bidla ma tistax tkun biżżejjed. Kruċjali daqsha, jew aktar minnha jkun żvilupp li bih jiżdiedu l-investimenti produttivi f’diversi oqsma “strateġiċi”. Minkejja l-ħafna diskors li sar matul is-snin dwar dan l-aspett, investimenti hekk waqgħu lura. Proposti biex l-Unjoni Ewropea tintervjeni direttament b’fond separat għal investimenti nżammu nejja. Ma kienx hemm qbil dwar kif u minn fejn se jinġabu l-flus għal dan il-fond.

INKJESTI

Anke jekk hemm bżonn qawwi għal bidla fil-mod kif jistgħu jissejħu inkjesti maġisterjali, politikament il-mod kif il-messaġġ dwarha jitwassal hu tal-aqwa importanza. Isir kif isir, il-messaġġ mhux se jġib xi ċaqliq fl-impenn elettorali ta’ dawk li jinsabu fil-qalba tas-segwaċi taż-żewġ partiti l-kbar. L-akbar effett jista’ jirriżulta fost votanti Laburisti li “tbiegħdu” jew fost dawk li konna nsejħulhom “floaters” u li jidher żdiedu sew fin-numri.

Mhijiex idea tajba li biex “tinbiegħ” ir-riforma, ir-rappreżentanti għolja tal-gvern jew tat-tmexxija publika jiġu preżentati qishom xi vittmi li qed jiġu persegwitati ta’ xejn b’xejn. Din hi strateġija perikoluża. Twieżen l-argument ta’ min isostni li kull ma qed ifittex il-gvern hu li jiżgura impunità u nuqqas ta’ trasparenza għall-filjozzi tiegħu.

Ix-xettiċiżmu dwar kif jittieħdu d-deċiżjonjiet publiċi infirex u żdied sew fost il-Maltin u l-Għawdxin kollha, tant li hemm bżonn li jiġi rikonoxxut u ffaċċjat b’mod biered u realistiku. Xejn ma għenet f’dan, l-apparenza ta’ maniġġi dwar l-istqarrijiet ta’ assi ministerjali li ma ġewx pubblikati.

GWERRA

Toqgħod taħseb, il-ġenerazzjonijiet imwielda mill-1990 jew ftit qabel, kważi m’għandhom l-ebda għarfien ta’ gwerra. Seħħew inċidenti qawwija ta’ gwerra militari (fl-eks Jugoslavja, fl-Afghanistan u fil-Kongo fost oħrajn) imma kollha kellhom il-karattru ta’ gwerer “żgħar”, reġjonali.

Fid-deċennji ta’ qabel, anke l-ġenerazzjonijiet li ma kinux laħqu t-Tieni Gwerra Dinjija, kienu jafu bil-Gwerra tal-Korea, bil-konfront nukleari bejn l-Istati Uniti u l-Unjoni Sovjetika u bil-gwerra tal-Vjetnam, li minkejja li kienet “reġjonali” tefgħet dell dinji.

Bil-gwerra tal-Ukrajna, il-prospett ta’ gwerra ġeneralizzata żdied sew. Ma jidhirx li qajjem inkwiet “żejjed” f’pajjiżna.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport