Saturday, May 4, 2024

BUROKRAZIJA MEĦTIEĠA

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Ingergru bir-raġun kontra l-burokrazija. Inkunu rridu nfissru dik żejda… Imma xinhu żejjed?

Il-problema hi li bilfors l-istat (u anke s-settur privat) irid jinqeda b’miżuri “burokratiċi” biex jiżgura li deċiżjonijiet qed jitwettqu sew. Biex jirnexxi, l-istat modern (l-istess bħall-forom ta’ tmexxija statali li ġew qablu) irid bilfors jorganizza ruħu madwar proċeduri li japplikaw b’mod ġenerali u jitħaddmu b’metodu uniformi. Naturalment, dan ikun jirrekjedi ż-żmien tiegħu b’uffiċjali mħarrġa biex jiżguraw li l-proċeduri qed jiġu applikati tajjeb.

Il-problemi li jinqalgħu huma magħrufa. L-użu ta’ proċeduri li qdiemu u li ma ġewx imġedda. Dewmien fil-mixja burokratika, jew għax titħaddem b’mod riġidu żżejjed, jew għax ikun hemm telqa fit-tmexxija, jew għax titħabblek ma’ tixħim, klijenteliżmu, nuqqas ta’ riżorsi, personnel mhux imħarreġ biżżejjed, jew għal raġunijiet oħra.

Tibqa’ r-realtà: il-burokrazija hi meħtieġa. Mhux dejjem faċli tgħid meta tkun żejda.

IL-ĠODDA, IL-QODMA

Il-qasma bejn il-ġenerazzjonijiet hi element essenzjali fit-tmexxija u fid-drawwiet tal-bniedem. Dawk li għamlu żmienhom, jew waslu biex, jaraw il-bidliet li qed jiġu proposti minn ta’ warajhom bħala mhux għal kollox f’posthom. Dawk li resqin “ġodda” għad-deċiżjonijiet b’fehmiet li se jibdlu drawwiet miruta bilfors jikkritikaw li jsibu madwarhom u lil ta’ qabilhom qabel jissettjaw linji differenti.

It-tnejn ikollhom raġun, ġieli ħafna raġun. Dal-kuntrast hu naturali. Forsi allaħares ma kienx hemm għax bih, il-proċess tal-bidla minn ġenerazzjoni għal oħra li jseħħ ikun wieħed li jitlaqqa’ tajjeb, mhux jiddaħħal bl-addoċċ.

Biss fil-fehma tiegħi, waqt li l-“qodma” għandu jkollhom sal-aħħar il-possibiltà li jsostnu tagħhom, hu imperattiv li l-“ġodda” la wasal żmienhom, jingħataw id-dritta.

KOMPETITTIVITÀ

Fl-Ewropa reġgħet saret moda l-mantra tal-“kompetittività”. Kien ilna ftit ma nisimgħuha. Il-partiti taċ-ċentru lemin qed jarawha bħala ċ-ċavetta li biha jistgħu jilqgħu għall-pressjoni li qed issirilhom biex jillaxkaw il-politika ambjentali li tpoġġi premura fuq il-ġlieda kontra t-tisħin tal-klima. B’hekk jilqgħu għall-avvanzi tal-lemin estrem u jsibu kif huma wkoll jagħmlu l-brejk fuq l-impenn ambjentali tal-“Green Deal”.

Donnu li s-soċjalisti Ewropej qed iħossu li ma jistgħux jirreżistu b’mod frontali għal din it-tattika politika. Huma wkoll iridu juru li jagħtu importanza lill-ħtieġa li l-Ewropa tibqa’ kompetittiva mal-Istati Uniti u ċ-Ċina. Ftit jista’ jonqos li l-Liberali (li fil-Parlament Ewropew laqqmu lilhom infushom bis-sigla ta’ “Tiġdid”) mhumiex se jibqgħu lura minn daċ-ċaqliq, li jorbot mat-twemmin tagħhom fil-benna tas-suq ħieles.

Wisq nibża’ li l-għajta favur il-kompetittività se tissarraf fi stennija biex is-sagrifiċċji u l-piżijiet li ġġib magħha jitpoġġew fuq il-ħaddiema, l-impjegati u s-self employed iż-żgħar.

Sport