Friday, April 26, 2024

Bżonn li nanalizzaw is-suq għall-Greenflation

Aqra wkoll

Proprju fl-aħħar sigħat inħarġet l-istatistika tal-Eurostat dwar l-inflazzjoni. Statistika li uriet li għax-xahar ta’ Novembru ir-rata ta’ inflazzjoni fiż-żona Ewro niżlet għal 2.4 fil-mija. Din qiegħda tagħti nifs ta’ sodisfazzjon fejn issa anke bdew isiru l-argumenti b’ċertu saħħa dwar jekk dan hux se jwassal biex il-Bank Ċentrali Ewropew jibda jnaqqas ir-rati ta’ interessi u dan wara li żiedhom fl-aħħar xhur b’mod kostanti. Waqt li hu pożittiv li r-rata ta’ inflazzjoni qiegħda tonqos, jekk wieħed janalizza sew din l-istatistika jara li r-realtajiet ivarjaw bejn il-pajjiżi.

Waqt li hemm pajjiżi li r-rata tagħhom naqset sew, dik ta’ pajjiżi oħra nieżla bil-mod ħafna. Jekk nieħdu ir-rata ta’ pajjiżna naraw li din nieżla bil-mod ħafna u fil-preżent ninsabu ma’ dawk bl-aktar rata għolja ta’ inflazzjoni. Huma l-Awstrija b’rata ta’ 4.9 fil-mija , il-Kroazja b’5.5 fil-mija u l-Estonja b’4.1 fil-mija u s-Slovakkja b’6.9 fil-mija, li għandhom rata għolja aktar minn dik ta’ Malta fejn tidħol l-inflazzjoni.

Illum hu fatt magħruf u ppruvat li għadd ta’ korporazzjonijiet kbar għollew il-prodotti tagħhom b’rata ferm u ferm akbar minn kemm żdidulhom l-ispejjeż. Din ikkontribwixxiet biex l-inflazzjoni splodiet. Wieħed mill-aħħar studji li saru kien dak tal-Awtorità tal-Kompetizzjoni fir-Renju Unit. Minn dan l-istudju ħareġ biċ-ċar li tlieta minn kull erba’ kumpaniji kbar għollew il-prezzijiet ħafna aktar minn kemm żdidulhom l-ispejjeż.

Filfatt fi żmien fejn l-inflazzjoni kienet qiegħda tiżdied b’rata qawwija, bdejna nisimgħu b’kumpaniji li bdew jagħmlu profitti rekord.

Jekk wieħed ikollu jara l-profitti ta’ kumpaniji taż-żejt isib li mindu bdiet l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja il-profitti ta’ dawn il-kumpaniji żdiedu bil-kbir. Per eżempju ix-Shell bejn Jannar u Settembru tas-sena 2021 kienu għamlu $12.8 biljun profitt waqt li bejn Jannar u Settembru tas-sena 2022 aktar minn irduppjaw il-profitt u dan tela’ għal $30.1 biljun. Jekk nieħdu l-kumpanija BP naraw li l-profitt tagħhom bejn Jannar u Settembru ta’ sentejn ilu kien ta’ $8.7 biljun u dan issa hu stmat li se jitla’ għal $20.7 biljun. Jekk nieħdu ExxonMobil naraw li l-profitti huma previsti li jitilgħu minn $14.3 miljun għal $42.7 miljun. Fil-każ ta’ TotalEnergies, il-profitti telgħu minn $11.3 biljun għal $28.7 biljun. L-Eni minn profitt ta’ $2.6 biljun hu previst li tagħmel $10.3 biljuni.

F’pajjiżna ukoll qegħdin naraw kumpaniji anke dawk involuti fil-bejgħ ta’ prodotti essenzjali u anke ta’ servizzi li kellhom żidiet sostanzjali fil-profitt tagħhom meta mqabbel mas-sena li għaddiet.

Dawn il-profitti rekord qajmu l-argument dwar il-‘Greedflation’. M’hemm ebda problema li kumpaniji kbar jagħmlu profitti anki li jagħmlu profitti qawwijin imma l-mistoqsija li trid issir u din trid tiġi mistħarrġa u analizzata, hi dik ta’ jekk dawk il-profitti humiex riżultat ta’ negozju li kompla jikber u jżid il-bejgħ jew inkella l-profitti sarux minħabba li qed jisfruttaw konsumaturi fil-kriżi li d-dinja kinnet fiha. Hu għalhekk li tqajjem l-argument ta’ ‘Greedflation’. Din hi xi ħaġa li anke l-Unjoni Europea qiegħda titkellem dwarha bl-argument ikun li mhux ġust li jsiru profitti rekord minn fuq dahar il-konsumaturi fi żmien ta’ gwerra u kriżi.”

Greedflation isseħħ meta jkollok sitwazzjoni fejn kumpaniji jibdew jagħmlu profitti kbar mhux minħabba żieda fil-bejgħ imma minħabba żieda fil-prezzijiet, liema żidiet isiru minħabba xi kriżi partikolari u mhux minħabba żidiet fl-ispiża tal-produzzjoni. Hu normali li f’ekonomija tas-suq għandek il-provvista u d-domanda li jaħdmu id f’id ma’ xulxin, f’ekononmija miftuħa. Minn żmien għal żmien tinħoloq l-inflazzjoni, imma din hi aċċettata f’suq miftuħ, għalkemm meta togħla ħafna jibdew jittieħdu miżuri biex dik l-istess inflazzjoni tkun kontrollata. Il-problema li qed tinħoloq issa hi dik li hemm korporazzjonijiet u kumpaniji li minħabba l-pożizzjoni tagħhom fis-suq u minħabba iċ-ċirkostanzi preżenti qegħdin f’sitwazzjoni li b’mod kontinwu qed jgħollu u jżidu l-prezzijiet.

F’pajjiżna hawn min approfitta ruħu mis-sitwazzjoni. F’sitwazzjonijiet bħal dawn, l-inflazzjoni tikber b’rata ferm u ferm aktar mgħaġġla. Dan apparti l-fatt li sitwazzjoni simili twassal għal problemi soċjali fejn aktar nies jibdew jaqgħu lura. Ma’ dan għandek ukoll il-fatt li s-saħħa tal-konsumaturi tibda dejjem titnaqqar.

Nemmnu li hemm bżonn analiżi ta’ x’inhu għaddej fis-suq. Hemm bżonn li wieħed jinvestiga u jistħarreġ sew x’inhu għaddej. Li hawn min jabbuża hu ċar. Mhux kwistjoni biss li toqgħod tqabbel il-prezzijiet.

Qiegħed iqum l-argument anki barra pajjiżna biex l-Istat jintervjeni u jinġabru aktar taxxi minn profitti żejda u dawk l-istess flus jerġgħu jmorru għand il-konsumaturi b’mod partikolari dawk fin-naħa t’isfel nett. Hemm min jargumenta dwar żidiet fil-pagi, iżda hemm argument li qed jiġi imbuttat sew u dan hu li ssir taxxa fuq profitti eċċessivi.

Nemmnu li hemm bżonn analiżi dettaljata tas-suq tagħna, biex jiġi stabbilit kemm hu mifrux l-abbuż. La darba jsib dan u jiġu stabbiliti l-fatti jkunu jistgħu jittieħdu azzjonijiet xierqa biex l-abbuż jitwaqqaf u min għolla l-prodotti ferm u ferm aktar minn kemm żdiditilu l-ispiża, iħallas għal dan.

Sport