Monday, December 23, 2024

Chelsea jwissu lil Manchester City jistgħu jiffirmaw lil Leao b’”malizzja”

Aqra wkoll

Chelsea ġew mwissija li Manchester City jistgħu jiffirmaw wieħed mill-aqwa miri tat-trasferiment tagħhom b’”malizzja”.

Is-sid il-ġdid tal-Blues, Todd Boehly, nefaq ‘il fuq minn £250 miljun fuq trasferimenti fl-ewwel suq tiegħu fit-tmun, iżda kellu offerta verbali ta’ madwar £60 miljun għal Rafael Leao miċħuda minn Milan.

L-internazzjonali tal-Portugall għandu klawsola ta’ rilaxx ta’ £130 miljun u l-kap ta’ Milan, Paolo Maldini, jgħid li l-club jinsab ħerqan li jorbtu bi ftehim ġdid.

“It-tiġdid ta’ Leao? Hija mistoqsija li diġà ffaċċjajna ħafna xhur ilu,” qal Maldini. “Rafa jaf dan, li biex isir aktar b’saħħtu, l-aħjar soluzzjoni hija li jibqa’ magħna. Aħna team żagħżugħ u li qed jikber. Iżda bi ħsiebna nagħmlu affarijiet kbar u nikbru miegħu.

“Chelsea għamlu offerta informali għal Leao fis-sajf iżda Milan iddeċidew li jirrifjutawha. Ma’ Leao, Ismael Ben­nacer u Pierre Kalulu bdejna nitkellmu dwar it-tiġdid tal-kuntratt tagħhom għal xi żmien. Kull tiġdid jista’ jkun ikkumplikat jew faċli, jiddependi fuq ir-rieda tal-players. Dak tal-club qegħda hemm.”

Jekk Leao jiddeċiedi li jitlaq, Chelsea allegatament se jiffaċċjaw kompetizzjoni minn Manchester City peress li huwa “jogħġob ħafna lil Pep Guardiola”.

Minħabba t-talent fl-attakk li Guardiola diġà għandu għad-dispożizzjoni tiegħu fl-Etihad Stadium, l-eks goalkeeper ta’ Tottenham, Paul Robinson, isostni li x-xewqa tas-City li jiffirmaw lil Leao tista’ tkun ibbażata fuq li ma jħallix rivali milli jakkwistaw is-servizzi tiegħu.

“Ma tgħidx li għandhom bżonn attakkant ieħor,” qal Ro­binson. “Probabbilment qed ifittxu li jiffirmawh biss biex ħaddieħor ma jkollux lilu.

“Is-City qed jgħaqqdu skwadra b’żewġ players tal-aqwa kwalità f’kull pożizzjoni. Huma m’għandhomx bżonn xi żidiet meta tħares lejn l-iskwadra tagħhom. Iżda nafu li Pep Guardiola jħobb ir-rotazzjoni tal-players. Li jkollok player bħal Leao għad-dispożizzjoni tiegħek tkun ħaġa kbira. Jekk il-bord iħallik tiffirmah, għaliex ma tiffirmahx?

“Is-City huma team li jikkompeti fuq il-fronti kollha u għalhekk jien ċert li jkun interessat anke jekk mhux garantit li jibda. Int garantit li tirbaħ oġġetti tal-fidda mas-City. Liema player ma jridx hekk?”

Ekonomija

Sport