Saturday, July 4, 2026

Chris Attard … il-kliem tiegħu juri tim determinat, li mhux biss qed ifittex riżultati immedjati, imma wkoll futur aktar b’saħħtu għall-hockey Malti fuq livell internazzjonali

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

It-tim nazzjonali Malti tal-hockey tal-irġiel jinsab bi tħejjija intensiva qabel il-parteċipazzjoni tiegħu fil-EuroHockey Championship Qualifiers II 2026, li se jsiru f’Helsinki, il-Finlandja bejn id-9 u t-12 ta’ Lulju.

Grupp B se jkun wieħed kompetittiv ħafna, b’Malta tilgħab kontra l-Finlandja, il-Greċja u Ġibiltà f’fażi li mistennija tittestja l-livell tat-tim f’kull aspett tal-logħba.

F’dan il-kuntest, tkellimna mal-kowċ nazzjonali Chris Attard, li stqarr li t-tim qed jersaq lejn il-kompetizzjoni b’attitudni pożittiva, realistika iżda ambizzjuża.

“Qed nidħlu f’turnew ta’ kalibru għoli ħafna,” beda jgħid Attard. “Il-Finlandja bħala ospiti dejjem ikunu b’saħħithom, il-Greċja għandhom esperjenza tajba fil-kamp Ewropew, u Ġibiltà huma tim li dejjem jikber u jsir aktar kompetittiv minn sena għal oħra. Għalina, kull logħba hija opportunità biex nitgħallmu u fl-istess ħin nippruvaw nirbħu.”

It-tim Malti se jiftaħ l-impenji tiegħu kontra l-Greċja fid-9 ta’ Lulju, qabel ma jaffronta lill-Finlandja fl-10 ta’ Lulju, u jagħlaq il-fażi tal-grupp kontra Ġibiltà fil-11 ta’ Lulju. Skont ir-riżultati, Malta se tilgħab partita ta’ klassifikazzjoni fit-12 ta’ Lulju, li tista’ tkun għal postijiet differenti skont il-pożizzjoni finali fil-grupp.

Attard enfasizza li l-mentalità tat-tim hi waħda ċara: “Aħna mhux se nidħlu biex sempliċement nipparteċipaw. Kull partita se nersqu lejha b’mentalità li nippruvaw nagħtu logħba lil kull avversarju. Fil-hockey modern, jekk ma tkunx kompettiv fuq kull dettall, ma jkollokx riżultati.”

Il-kowċ Malti spjega wkoll kif il-preparazzjoni kienet ibbażata fuq kontinwità importanti li żammet lill-plejers f’ritmu kompetittiv matul l-istaġun. “Il-parteċipazzjoni fil-EuroHockey Challenge kienet ta’ benefiċċju kbir għalina. Ma kellniex waqfiet twal, u anke meta kellna jumejn mistrieħ, komplejna bi trials u sessjonijiet intensivi. Żammejna momentum importanti li jgħinna nidħlu f’turnew bħal dan mingħajr telf ta’ ritmu.”

Skont Attard, dan il-proċess huwa kruċjali għall-iżvilupp fit-tul tal-hockey Malti. “Qed nibnu fuq struttura aktar stabbli. Mhux biss dwar riżultati immedjati, imma dwar kif intejbu l-livell ġenerali tal-plejers u noħolqu ġenerazzjoni li tista’ tkun aktar kompetittiva fuq medda ta’ snin.”

It-tim nazzjonali ta’ din is-sena jinkludi taħlita ta’ plejers stabbiliti u żgħażagħ promettenti, xi ħaġa li Attard jemmen li hija essenzjali għall-futur tal-isport. “Għandna grupp interessanti ħafna. Hemm plejers b’esperjenza li jafu x’jirrappreżenta l-piż ta’ logħob internazzjonali, u fl-istess ħin għandna żgħażagħ li qed jidħlu b’enerġija u entużjażmu. Dan il-bilanċ huwa importanti ħafna għalina.”

Attard saħaq ukoll fuq l-importanza tal-għaqda fil-kamp Malti u kif din tista’ tagħmel differenza f’tornej ta’ livell għoli. Hu spjega li l-atmosfera fil-grupp hija pożittiva ħafna u li l-plejers qed jaħdmu b’dedikazzjoni kbira kemm fil-grawnd kif ukoll barra minnu.

“Meta jkollok grupp li jifhem lil xulxin u li jaħdem bħala familja waħda, ir-riżultati jiġu b’mod naturali,” qal il-kowċ. Hu żied li l-istaff tekniku qed jagħmel xogħol importanti biex jipprepara kull logħba fid-dettall, inkluż analiżi tal-avversarji u pjanijiet tattiċi ċari.

Skontu, dan it-tip ta’ preparazzjoni professjonali qed jgħin lit-tim javvanza u jnaqqas id-differenza kontra nazzjonijiet aktar stabbiliti fil-hockey Ewropew.

Meta mistoqsi dwar l-isfidi kontra t-tliet avversarji fil-grupp, Attard kien realistiku iżda pożittiv. “Il-Finlandja se jkunu diffiċli ħafna speċjalment għax se jkunu huma stess li jospitaw din il-kompetizzjoni. Il-Greċja għandhom struttura tajba u esperjenza Ewropea, iżda aħna nemmnu li f’ġurnata tajba nistgħu nikkompetu magħhom. Ġibiltà hu tim li ilu jitjieb, u m’għadux avversarju li tista’ toħroġ kontrih u tkun ċert li se tirbaħ. Għalhekk kull logħba trid tiġi trattata b’serjetà kbira.”

Il-kowċ Malti saħaq ukoll fuq il-fattur imprevedibbli tal-isport. “Fil-hockey, ħafna drabi jiddependi minn kif tidħol fil-logħba u x’jiġri fl-ewwel minuti. Jekk tkun organizzat u mentalment preżenti, tista’ toħloq sorpriżi. Aħna rridu nkunu tim li ma jibżax minn dawn is-sitwazzjonijiet.”

Attard tkellem ukoll dwar l-importanza tal-esperjenza internazzjonali fit-tkabbir tal-plejers Maltin. “Kull turnew li nilagħbu barra minn Malta jżidilna valur. Il-plejers jitgħallmu kif jilagħbu kontra stili differenti, kif jadattaw għal pressjoni u kif jieħdu deċiżjonijiet aktar malajr. Dan kollu jikkontribwixxi għall-iżvilupp tagħhom.”

Fuq nota personali, Attard irrifletta fuq il-vjaġġ tiegħu bħala kowċ u l-impenn tiegħu lejn l-isport Malti. “Il-hockey f’Malta ilu jikber bil-mod iżda b’mod kostanti. Il-ħidma tagħna mhix biss fuq it-tim nazzjonali, imma wkoll fuq il-livell tal-iskejjel u l-klabbs. Irridu nibnu sistema li tkun sostenibbli.”

Huwa temm l-intervista b’messaġġ ċar għall-plejers tiegħu: “L-aktar ħaġa importanti hi li ma nibżgħux mill-isfida. Irridu nidħlu fil-grawnd b’fiduċja, xogħol ta’ tim u dixxiplina. Jekk nagħmlu hekk, inkunu nistgħu noħorġu b’riżultati pożittivi u nkomplu nibnu fuq dak li bdejna.”

Hekk kif Malta tħejji ruħha għal sfida oħra Ewropea, il-kliem ta’ Chris Attard juri tim determinat, li mhux biss qed ifittex riżultati immedjati, imma wkoll futur aktar b’saħħtu għall-hockey Malti fuq livell internazzjonali.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport