Monday, May 13, 2024

Ċikliżmu: Aidan Buttigieg ippreżentat bit-trofej ta’ champion doppju

Aqra wkoll

Il-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu ppremjat lil Aidan Buttigieg bit-trofej taż-żewġ kampjonati Nazzjonali li rebaħ għall-ewwel darba din is-sena minħabba l-fatt li wara l-Kampjonati tad-Dinja taċ-Ċikliżmu UCI 2023 tal-Iskozja ser jirritorna lura lejn l-Awstralja u ma setax ikun preżenti fostna waqt li l-Federazzjoni tagħmel il-Preżentazzjoni Annwali tagħha.

Aidan Buttigieg tal-klubb Għawdxi D Sports Lab rebah il-Kampjonat Nazzjonali tat-Triq għal din is-sena 2023 organizzat mill-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu fejn irnexxielu jagħmel dan meta rebaħ l-ewwl żewġ tiġrijiet u spiċċa t-tielet fl-aħħar waħda. B’hekk huwa tella total ta’ 575punt. Huwa spiċċa wkoll champion Nazzjonali tat-Time Trial fejn kiseb tliet rebħiet ghal massimu ta’ 600 punt. Storikament din kienet ukoll l-ewwel darba li klubb Għawdxi rebaħ dan it-titlu.

Fl-istess okkażjoni kienet ippreżentata wkoll b’tifkira ta’ apprezzament profond għall-kooperazzjoni u l-appoġġ imwettaq minn Alexandra Madeley li matul it-tiġrijiet  kollha għamlitha ta’ fotografu uffiċċjali fuq bażi volontarja, kif ikun kienet ta’ għajnuna kbira f’diversi aspetti waqt l-istess Kampjonati tad-Dinja taċ-Ċikliżmu UCI 2023 tal-Iskozja fejn ukoll serviet bħala Deputy Chef de Mission.

Il-premjazzjonijiet saru minn John Zammit, Joe Bajada u Daniel Borg Olivier, President, Segretarju Ġenerali u Teżorier rispettivament tal-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu. 

Sport