Wednesday, July 24, 2024

Claudia Sheinbaum se ssir l-ewwel President mara tal-Messiku 

Aqra wkoll

Wara rebħa storika fl-elezzjoni tal-Ħadd li għadda fil-Messiku, Claudia Sheinbaum mistennija ssir l-ewwel President mara fl-istorja ta’ dan il-pajjiż.

Sheinbaum, ta’ 61 sena, hi proġettata li se tikseb 56% tal-voti f’din l-elezzjoni biex b’hekk b’mod konvinċenti għelbet l-isfida tar-rivali ewlenija tagħha – in-negozjanta Xóchitl Gálvez. 

Ir-riżultati preliminari wkoll kienu qed jagħtuha wkoll vantaġġ kbir f’din l-elezzjoni. Jekk ir-riżultati jkunu kkonfermati, Sheinbaum se tieħu post il-President uxxenti Andrés Manuel López Obrador fl-1 ta’ Ottubru.

Sheinbaum wiegħdet kontinwità u qalet li se tkompli tibni fuq l-avvanzi li għamel López Obrador. Sadanittant, għadd kbir ta’ partitarji nġabru fil-pjazza prinċipali ta’ Mexico City u kienu qed iġorru banners li fuqhom kien hemm miktub “Claudia Sheinbaum, President”.

F’kummenti mal-midja internazzjonali, waħda mill-partitarji esprimiet is-sodisfazzjon tagħha li mara ġiet eletta fl-ogħla kariga fil-pajjiż. “Qabel lanqas stajna nivvutaw u meta stajna nagħmlu dan, kien ikollna nivvotaw għall-persuna li żewġek ikun qallek biex tivvota għalih. Għall-grazza t’Alla l-istorja issa nbidlet u qed ngħix il-mument,” qalet Edelmira Montiel ta’ 87 sena li rreferiet għall-fatt li n-nisa tħallew jivvutaw fl-elezzjonijiet nazzjonali fl-1953. 

Minbarra president ġdid, il-votanti eleġġew ukoll il-membri kollha tal-Kungress tal-Messiku u l-gvernaturi fi tmien stati, il-Kap tal-Gvern ta’ Mexico City u eluf ta’ uffiċjali lokali. 

Ekonomija

Sport