Wednesday, July 24, 2024

Uffiċini ġodda għal ħaddiema ta’ WasteServ

Aqra wkoll

L-investiment ta’ WasteServ f’operat aktar effiċjenti kompla jespandi biex minnhu jgawdu wkoll il-ħaddiema li jagħmlu xogħol amministrattiv, f’ambjent isbaħ u aktar modern. Fil-fatt, dawn il-ħaddiema issa għandhom uffiċini ġodda fi ħdan il-Multi-Material Recovery Facility (MMRF).

L-uffiċini ġew inawgurati mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Miriam Dalli flimkien mal-Kap Eżekuttiv ta’ WasteServ Richard Bilocca waqt żjara lill-impjegati f’Ħal Far.

Il-faċilità l-ġdida tal-MMRF, inawgurata s-sena l-oħra, tipproċessa skart bħall-injam, saqqijiet, polystyrene u tajers biex jerġgħu jiġu introdotti fl-ekonomija ċirkolari. Issa, l-operat tal-WasteServ se jkompli jikkonsolida ruħu hekk kif il-ħaddiema tal-Operation, l-Accounts, Procurement, IT u Corporate Affairs se jkunu qed jaħdmu f’ambjent aktar modern.

“Dan l-iżvilupp jimmarka tragward importanti ieħor għall-WasteServ li qed tkompli tgħolli l-livell t’operat fis-settur. Illum il-ġurnata nitkellmu fuq rekords pożittivi fejn ġew ipproċessati u ritornati lura fl-ekonomija aktar minn 20,000 tunnellata ta’ skart riċiklabbli fis-sena, kif ukoll rajna żieda pożittiva ta’ 35% fl-iskart organiku separat li ġej mid-djar u mis-settur kummerċjali,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.

“Ifisser ukoll li bis-saħħa ta’ dawn il-proġetti se nkunu qed nagħtu lura madwar 24,000 metru kwadru ta’ art lill-pubbliku fl-akbar proġett ta’ tħaddir li qatt sar mill-WasteServ”, qalet il-Ministru Dalli.

L-impenn tal-WasteServ għall-investiment f’operat aktar modern u faċilitajiet ġodda jfisser ukoll li qed tnaqqas l-impatt tal-operat tagħha. Fosthom, fl-impjant ta’ Sant’Antnin f’Marasaskala, fejn il-parti l-kbira tal-impjant tinbidel fi spazju aħdar u ta’ rikreazzjoni.

Ekonomija

Sport