Minn Cristian Muscat
Ikona tal-futbol Malti dalwaqt se jagħlaq kapitlu importanti hekk kif Clayton Failla ħabbar li se jirtira fi tmiem l-istaġun 2025/26, wara karriera twila u mimlija suċċessi li damet aktar minn għoxrin sena. Fl-età ta’ 40 sena, il-full-back xellugi se jilgħab l-aħħar partita tiegħu ma’ Gżira United kontra Floriana FC fit-2 ta’ Mejju 2026, logħba li żgur se tkun mimlija emozzjoni għalih u għal dawk kollha li segwew il-karriera tiegħu.
Failla mhux biss kien plejer konsistenti, iżda figura li tat definizzjoni lill-ġenerazzjoni oħra tal-futbol Malti li m’għadhiex attiva. Mill-bidu tiegħu ma’ Żabbar St. Patrick, sal-ogħla livelli tal-futbol Malti, huwa dejjem wera determinazzjoni, professjonalità u kapaċità teknika li ftit jistgħu jlaħħqu magħha. Kien magħruf għall-abbiltà tiegħu fil-free-kicks u crosses preċiżi, kif ukoll għall-kontribut offensiv tiegħu minkejja li kien jilgħab f’pożizzjoni difensiva.
Il-karriera tiegħu hija marbuta mill-qrib ma’ Hibernians FC, fejn għadda minn perjodi ta’ suċċessi kontinwi. Hemmhekk rebaħ diversi kampjonati u FA Trophies, u kien protagonist ewlieni fis-suċċessi tal-Pawlisti. Tant kien qawwi l-impatt tiegħu fil-grawnd li rebaħ darbtejn l-unur tal-Aqwa Plejer tas-Sena tal-MFA, kisba rari għal plejer b’mentalita’ difensiva.
Madankollu, il-vjaġġ tiegħu ma kienx limitat għal Hibernians biss. Huwa libes ukoll il-flokkijiet ta’ Sliema Wanderers, Birkirkara FC, Ħamrun Spartans, Mosta FC, Floriana FC u fl-aħħar xhur anke dak ta’ Gżira United. Kull fejn mar, Failla ħalla marka, mhux biss bil-logħob tiegħu iżda wkoll bil-professjonalità u l-esperjenza li kien iġib fid-dressing room.
F’intervista emozzjonanti li ta lil dan is-sit, Failla ammetta li d-deċiżjoni li jirtira ma kinitx faċli: “Wasal dak il-mument. Mhux faċli wara 21 sena… imma naf li kull bidu għandu tmiem.” Huwa esprima gratitudni kbira lejn il-klabbs kollha li tawh il-fiduċja matul il-karriera tiegħu. Semma b’mod partikolari l-perjodu tiegħu ma’ Hibernians, li ddeskrivieh bħala “twil u sabiħ”, fejn rebaħ unuri u għex mumenti li qatt ma jista’ jinsa.
Failla rringrazzja wkoll nies li kellhom impatt personali fuqu, fosthom l-eks president ta’ Hibernians, mibki iżda qatt minsi Tony Bezzina, li qal li “m’hemmx kliem biex tiddeskrivih”, kif ukoll lil ibnu Rainer. Semma wkoll il-perjodi tiegħu ma’ Floriana, Birkirkara u Sliema, kif ukoll il-ħames snin li qatta’ ma’ Mosta, fejn irringrazzja lil Adrian Farrugia u lill-kumitat tal-klabb.
L-aħħar kapitlu tal-karriera tiegħu kien ma’ Gżira United, fejn ingħaqad f’Lulju tal-2025. Hawnhekk ukoll ma naqasx milli juri apprezzament lejn dawk kollha involuti, inkluż il-president Sharlon Pace, Marlon u l-kowċ Darren Abdilla. “Grazzi lil kulħadd tal-fiduċja u l-appoġġ,” qal Failla.
Barra l-livell tal-klabbs, Failla kellu wkoll karriera internazzjonali importanti mat-tim nazzjonali Malti, fejn kiseb aktar minn 50 dehra bejn l-2008 u l-2018. Huwa jibqa’ mfakkar għal diversi wirjiet pożittivi kontra timijiet kbar Ewropej, kif ukoll għal gowl memorabbli kontra l-Bulgarija fil-logħob ta’ kwalifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja tal-2014.
Wieħed mill-aktar aspetti li jispikkaw fil-karriera ta’ Clayton Failla huwa l-konsistenza tiegħu tul is-snin, xi ħaġa li rari naraw fil-futbol modern. Filwaqt li ħafna plejers jesperjenzaw tnaqqis fil-livell tagħhom hekk kif jgħaddu s-snin, Failla baqa’ kompetittiv u rilevanti anke fl-aħħar fażijiet tal-karriera tiegħu.
Dan kien possibbli grazzi għal dixxiplina kbira, għall-mod kif iżomm ruħu fiżikament u dik il-mentalità professjonali li dejjem żammitu pass ’il quddiem.
Barra minn hekk, il-versatilità tiegħu kienet arma importanti, hekk kif seta’ jilgħab f’diversi rwoli difensivi u jaddatta għal sistemi differenti skont il-ħtiġijiet tal-kowċ. Din il-flessibbiltà għamlitu pedina prezzjuża għal kull tim li lagħab miegħu. Mhux biss, iżda l-preżenza tiegħu fid-dressing room kienet kruċjali hekk kif hu meqjus bħala mexxej kwiet li jmexxi bl-eżempju aktar milli bil-kliem.
Għal ħafna żgħażagħ li telgħu jilagħbu miegħu, Failla kien mudell ta’ x’ifisser tkun professjonist veru. Din il-wirt mhux biss se jibqa’ fil-memorja tal-partitarji, iżda wkoll fil-mentalità tal-ġenerazzjoni li ġejja.
Fil-messaġġ tiegħu, Failla ma nesa lil ħadd. “Nixtieq ngħid grazzi lill-partitarji tal-futbol Malti kollha għar-rispett li dejjem urewni. Speċjalment lill-partitarji ta’ Hibernians li magħhom fraħna flimkien.” Huwa semma wkoll lill-plejers sħabu u l-esperjenzi memorabbli li jibqgħu għal dejjem f’qalbu.
Importanti ħafna għalih kienet il-familja: “Il-familja tiegħi dejjem kienet warajja,” qal b’emozzjoni liema bħalha. Huwa rringrazzja wkoll lill-kowċis kollha li mexxewh tul il-karriera tiegħu u lill-Malta Football Association għall-appoġġ kontinwu, inkluż l-esperjenza tiegħu mat-tim nazzjonali.
B’aktar minn 500 dehra fil-livell tal-klabbs, Failla jitlaq mill-futbol bħala wieħed mill-aktar plejers rispettati fil-pajjiż. Il-lonġevità tiegħu, flimkien mal-konsistenza u l-kwalità li wera, jagħmluh eżempju għal ġenerazzjonijiet futuri.
Issa li qed joqrob l-aħħar partita tiegħu, il-mistoqsija tibqa’: x’se jkun il-pass li jmiss? Failla stess ħalla kollox miftuħ: “Naraw x’se jiġri fil-futur… grazzi lil kulħadd.”
Dak li hu ċert hu li Clayton Failla mhux biss se jiġi mfakkar bħala plejer kbir, iżda bħala persuna li tat kollox għall-futbol Malti u li ħalliet warajha wirt li diffiċli jintesa.


