Minn Cristian Muscat
Ir-rebħa ta’ Floriana Veterans fil-VMFA Malta Premier League mhijiex biss trofew ieħor fl-ixkafef tal-klabb, iżda storja ta’ determinazzjoni, konsistenza u reżiljenza wara d-diżappunt tal-istaġun li għadda fejn tilfu l-kampjonat bi ftit.
F’logħba deċiżiva li ntlagħbet fil-Mediterranean College of Sport, f’Birkirkara il-Greens għelbu lil Malta Football Players Association (MFPA) bl-iskor konvinċenti ta’ 5-0, u b’hekk issiġillaw it-titlu għall-ewwel darba b’mod mill-aktar dominanti.
Sa mill-ewwel minuti kien ċar li Floriana daħlu għal din il-logħba b’mentalità waħda, dik li jirbħu. L-esperjenza u l-kwalità tagħhom ħarġu fil-beraħ, u ma taw l-ebda spazju lill-avversarji biex jidħlu fil-logħba tagħhom.
Kien Mano Micallef li fetaħ l-iskor b’daqqa ta’ ras tipika tiegħu, li poġġiet lill-Greens minn kmieni fil-vantaġġ. Ftit wara, Bojan Kaljevic kabbar il-vantaġġ, qabel ma Micallef innifsu żied it-tielet gowl biex għalaq l-ewwel taqsima b’kontroll assolut ta’ Floriana.
Fit-tieni taqsima, il-logħba kompliet fl-istess direzzjoni. Kaljevic għaqqad doppjetta personali tiegħu, filwaqt li s-sostitut Ryan Darmanin skorja il-ħames gowl biex issiġilla rebħa kbira ta’ 5-0. Prestazzjoni li ma ħalliet l-ebda dubju dwar min kien jistħoqqlu jerfa’ t-Tazza.
Wara l-logħba, il-President tal-Veterans Malta Football Association, Malcolm Camilleri, ippreżenta t-trofew lill-captain ta’ Floriana, Manolito Micallef, li kien figura ċentrali mhux biss f’din il-logħba iżda matul l-istaġun kollu. Ir-referee tal-partita kien Lorry Sammut.
F’intervista li ta lil dan is-sit wara l-logħba, Micallef stqarr li t-tim kien konxju mid-diffikultà tal-konfront: “Konna nafu li se nilagħbu kontra tim tajjeb bi plejers ta’ esperjenza u li ilhom jirbħu f’din l-assoċjazzjoni għal numru ta’ snin. L-intenzjoni kienet li ma nieħdux riskji żejda għax draw kien jista’ jkun riżultat perikoluż u konna nispiċċaw nitilfu l-kampjonat.” Hu żied li l-mument kruċjali kien meta sabu t-tieni u t-tielet gowl li taw serħan il-moħħ lill-iskwadra.
Huwa rrefera wkoll għall-istaġun li għadda, meta Floriana tilfu t-titlu b’mod diżappuntanti kontra Gzira United. “Is-sena l-oħra konna viċin iżda fl-istess ħin tant ‘il bogħod. Kellna skwadra tajba, iżda din is-sena saru xi rtokki importanti. Isaħħaħna lejn l-aħħar u bqajna konsistenti, anke żammejna clean sheets li kienu kruċjali,” qal Micallef.
Fil-fatt, il-konsistenza kien is-sigriet ewlieni tas-suċċess tagħhom. Floriana rnexxielhom iżommu livell għoli tul l-istaġun kollu, b’difiża soda u attakk effettiv li spiss iddeċieda l-logħob importanti. Din il-bilanċ bejn difiża u attakk kienet evidenti wkoll fil-finali, fejn mhux biss skorjaw ħames gowls iżda ma sofrew l-ebda wieħed.
Il-prestazzjoni ta’ Micallef matul l-istaġun ma għaddietx qisu xejn m’hu xejn. Huwa ġie vvutat bħala l-Plejer tas-Sena tal-VMFA fl-istaġun li għadda, unur li jirrifletti l-impatt enormi tiegħu fuq il-pitch. B’23 gowl f’21 partita, statistika impressjonanti għal dan il-plejer, Micallef kien il-mutur tat-tim, dejjem preżenti fil-mumenti deċiżivi.
Imwieled fis-16 ta’ Novembru 1983, Micallef għandu karriera twila u suċċessiva fil-futbol Malti. Hu lagħab ma’ diversi klabbs fosthom Floriana FC, Ħamrun Spartans, Mosta FC, Pembroke Athleta u Senglea Athletic. Matul il-karriera tiegħu, huwa wera versatilità kbira, jilgħab kemm bħala midfielder difensiv kif ukoll f’pożizzjonijiet difensivi oħra.
Wara li rtira mill-futbol professjonali fi tmiem l-istaġun 2021/22, Micallef ma tbiegħedx mill-logħba. Huwa ngħaqad mal-istaff tekniku ta’ Floriana FC, fejn kompla jaqsam l-esperjenza tiegħu mal-ġenerazzjonijiet iżgħar. Madankollu, fil-kategorija tal-veterani, huwa għadu juri li għandu ħafna x’joffri fuq il-pitch.
Din ir-rebħa fil-kampjonat hija wkoll sinjal tal-ħidma kollettiva tat-tim kollu ta’ Floriana. Mill-plejers sal-istaff tekniku, kulħadd kellu sehem f’dan is-suċċess. Il-moral għoli, id-dixxiplina u l-għaqda bejn il-plejers kienu fatturi kruċjali li wasslu għal dan it-tragward.
Barra minn hekk, dan it-titlu għandu tifsira speċjali għall-komunità ta’ Floriana, li dejjem kienet magħrufa għall-passjoni tagħha lejn il-futbol. Ir-rebħa tat-tim tal-veterani mhux biss tqajjem sens ta’ kburija fost il-partitarji, iżda turi wkoll kif il-valuri tal-klabb, dedikazzjoni, rispett u ħidma f’tim, jibqgħu ħajjin anke lil hinn mill-livell professjonali.
“Wieħed ma jistax jinjora wkoll il-kontribut tal-plejers l-oħra li forsi ma dehrux daqshekk fost il-lista tal-iskorers, iżda li kellhom rwol fundamentali fil-bini ta’ dan is-suċċess. Il-linja difensiva kienet organizzata b’mod eċċellenti, filwaqt li l-midfield żamm kontroll tal-logħba u ħoloq opportunitajiet kontinwi għall-attakkanti.
Din l-armonija bejn il-linji kollha tat-tim kienet fattur deċiżiv li għamel lil Floriana diffiċli biex jiġu megħluba.
Importanti wkoll il-preparazzjoni mentali tat-tim. Wara t-telfa tal-istaġun preċedenti, kien hemm bżonn ta’ karattru qawwi biex jerġgħu jqumu u jmorru għal darb’oħra għat-titlu. Hawnhekk jidħol ir-rwol tal-mexxejja fit-tim, speċjalment ta’ Micallef, li mhux biss mexxa bl-eżempju fil-grawnd, iżda wkoll barra minnu, billi żamm lill-iskwadra ffukata u motivata.
Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, din ir-rebħa tista’ tkun ta’ xprun għal aktar suċċessi fil-futur. Jekk Floriana jżommu l-istess livell ta’ impenn u organizzazzjoni, hemm kull possibbiltà li dan it-tim ikompli jiddomina fix-xena tal-veterani f’Malta. Għall-partitarji, segwaċi tal-Greens u għal dawk kollha involuti, dan huwa mument li jibqa’ mnaqqax fil-memorja, mument li jfakkar li l-passjoni għall-futbol ma tintemm qatt.


