Minn Cristian Muscat
llum u nhar is-Sibt tintlagħab is-16-il ġurnata jew aħjar l-aħħar ġurnata tal-Closing Round hekk kif qed tiħrax it-taqtiegħa għall-pożizzjonijiet, kemm għat-timijiet ta’ fuq kif ukoll għal dawk tan-naħa t’isfel.
Il-mistoqsija fin-naħa ta’ fuq hija liema team se jispiċċa fit-tieni post – Hamrun Spartans jew Marsaxlokk hekk kif l-Ispartans jilagħbu kontra Valletta filwaqt li Marsaxlokk jaffrontaw lil Naxxar Lion.
Fil-veritá, fuq il-karta jidher li Marsaxlokk għandhom partita eħfef minn dik ta’ Hamrun minħabba li dawn tal-aħħar iridu jilagħbu kontra l-Beltin.
L-għan ta’ dawn tal-aħħar hu li jegħlbu jew iżommu lill-Ispartans fi draw u jittamaw li Marsaxlokk jegħlbu lil Naxxar Lions, fit-tentattiv li jġorru magħhom lil Valletta fis-semi-finali.
Jekk min-naħa l-oħra, Hamrun jirbħu lil Valletta u Marsaxlokk jonqsu milli jagħmlu dan kontra Naxxar Lions, allura l-Ħamruniżi jispiċċaw fit-tieni pożizzjoni u jilagħbu fil-Finalissima kontra Floriana.
Jekk, Hamrun Spartans u Marsaxlokk jirbħu l-partita tagħhom, it-tnejn jispiċċaw bl-istess ammont ta’ punti u jkun jeħtieġ li tintlagħab partita deċiżiva bejniethom biex jiġi konfermat it-team fit-tieni post.
B’hekk ikun magħruf l-eżitu finali tal- kampjonat … jew finali jew inkella żewġ semi-finali.
In-naħa t’isfel tal-klassifika wkoll għandha sitwazzjoni mill-aktar interessanti.
Jidher li Mosta, li jinsabu fl-aħħar post tal-klassifika, se jkunu nvoluti fir-Relegation Play-Off.
Is-sitwazzjoni hija ftit kumplessa. Dan minħabba li jekk Mosta jegħlbu lil Birkirkara u Tarxien Rainbows u Zabbar St Patrick jitilfu kontra Hibernians rispettivament, it-tliet timijiet jispiċċaw bl-istess ammont ta’ punti fl-aħħar post.
Għaldaqstant x’jiġri?
Mosta li għandhom l- agħar rekord, imorru direttament fir-Relegation Play-Off filwaqt li tintlagħab play-off bejn bejn Zabbar u Tarxien.
Jekk Zabbar joħorġu rebbieħa, Tarxien jiġu matematikament relegati minħabba li fl-Opening Round spiċċaw fl-aħħar post, filwaqt li Zabbar ikunu salvi.
Jekk ikunu r-Rainbows li joħorġu rebbieħa, jintlagħbu s-semi-finali bejn erba’ timijiet li jinkludu lil Naxxar Lions, li minkejja fil-Closing Round qed jilagħbu fit-Top Six, fl-Opening Round temmew fil-post ta’ qabel l-aħħar.
Jekk min-naħa l-oħra, dawn it-tliet timijiet jirbħu l-partita tagħhom tal-programm tal-lum, Mosta jmorru direttament fir-Relegation/Promotion Play-Off. Imbagħad tintlagħab play-off bejn Zabbar SP u Tarxien Rainbows.
It-team li jingħaqad magħhom ikun it-tellief bejn Mosta u Naxxar Lions.
Jekk, min-naħa l-oħra, ikunu Tarxien li joħorġu rebbieħa, ikun ifisser li Zabbar itemmu fil-post ta’ qabel l-aħħar u għaldaqstant ikun jeħtieġ li jintlagħbu s-semi-finali bejn l-erba’ timijiet.
Players sospiżi:
Birkirkara: Manuel Ignacio Morello.
Floriana: Myles Beerman, Rui Manuel Linhares Areias.
Naxxar L.: Gustavo Felipe De Campos Goncalves, Matthias Debono, Vinicius Ferreira De Jesus.
Sliema W. : Gustavo Alcino, Thiago Espindola De Paula.
Zabbar SP: Izaak Etim Akpan, Bruno Miguel Gomes Figueiredo.
*Id-dati tal-possibbiltá tal-play-offs:
5 ta’ Mejju (forsi):
Hamrun S. v Marsaxlokk
Finalissima
9 ta’ Mejju – (3.30 pm)
Hamrun S. v Marsaxlokk
Semi-finali (forsi)
9 ta’ Mejju
Semi-finali (1) – 3.30 pm
Semi-finali (2) – 7.00 pm
It-Tielet post
15 ta’ Mejju (7.00 pm)
Finali
16 ta’ Mejju (3.30 pm)
Relegation Play-Offs
10 ta’ Mejju
Play-Off 1 – (11.00 am)
Play-Off 2 – (11.00 am)


