Komplew jiġu implimentati aktar miżuri soċjali mill-Budget 2026, u li l-maġġoranza tagħhom jikkonċernaw l-aġġustamenti u żidiet fid-dħul ta’ pensjonanti.
Fil-fatt, fi tmiem din il-ġimgħa ser jingħataw pagamenti lil pensjonanti miżżewġa li jitħallsu b’rata ta’ singoli, romol, tas-servizz, persuni mwielda qabel l-1962 u koppji li t-tnejn jgħixu fi djar tal-anzjani.
B’kollox ser jibbenefikaw aktar minn 41,000 pensjonanti li bejniethom se jirċievu €26 miljun oħra minbarra ż-żidiet li diġà ħadu.
Ħabbar dawn id-dettalji l-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon, flimkien mas-Segretarju Permanenti Mark Musu.
Il-Ministru Michael Falzon tkellem dwar kif pensjonanti miżżewġin li minħabba li l-konjugi jkun pensjonant, issa ser ikunu intitolati għal pensjoni bir-rata ogħla ta’ miżżewweġ u b’hekk tneħħiet id-differenza li kellhom fil-pensjoni tagħhom għax il-konjugi tagħhom qed jirċievu pensjoni.
Dan it-tibdil jolqot madwar 7,200 pensjonanti, l-aktar nisa, li jirċievu l-Pensjoni Minima Nazzjonali, Pensjoni għal Invalidità jew Pensjoni Minima taż-Żewġ Terzi.
Spjega wkoll li fl-istess waqt kważi ntemm il-proċess li bih qed ikomplu jitjiebu l-pensjonijiet tar-romol. Anke f’dan il-każ, iż-żieda hija addizzjonali ma’ dik ta’ €10 fil-ġimgħa li diġà tħallsu fil-bidu tas-sena u tvarja skont ir-rata ta’ pensjoni li kieku kellhom il-konjugi tagħhom. Madwar 7,000 romol qed igawdu minn dan id-dħul addizzjonali li b’kollox din is-sena jammonta għal madwar €2.5 miljun.
L-istess il-pensjoni tas-servizz li ma jiġix ikkunsidrat għall-fini tal-pensjoni tas-sigurtà soċjali jiżdied b’€200 oħra għal €3,866. Fil-każ ta’ pensjonanti tas-servizz li laħqu jew ser jilħqu l-età ta’ 72 sena qed jiġi injorat l-ammont kollu kkommutat mill-pensjoni tas-servizz.
Is-Segretarju Permanenti Mark Musu spjega li riesaq lejn tmiemu wkoll l-proċess tal-aġġustament ta’ din is-sena għall-pensjonanti mwielda qabel l-1962. Dawn il-pensjonanti ilhom mill-2024 iggarantiti żieda bażika daqs dawk imwielda fl-1962 jew wara. Iżda dawk imwielda qabel l-1962 u lid-dħul pensjonabbli tagħhom huwa ogħla mis-ceiling kif qed ikun rivedut, dawn qed jieħdu żieda addizzjonali fil-pensjoni tagħhom. B’kollox minn din il-miżura qed jibbenefikaw madwar 20,000 pensjonant, inkluż pensjonanti romol, li bejniethom din is-sena se jirċievu €16.5 miljun.
Miżura oħra li daħlet fis-seħħ tolqot koppji anzjani li jkunu għal kura fi djar tal-anzjani, inkluż f’San Vinċenz. Ġie spjegat li ġew riveduti r-rati tat-tnaqqis mid-dħul totali tagħhom li japplika meta jidħlu t-tnejn f’dawn id-djar. Fejn qabel kien jitnaqqsilhom 60% tad-dħul tagħhom kull wieħed, dan it-tnaqqis issa niżel għal 50%. Għal dawk li t-tnaqqis tagħhom kien ta’ 80%, issa qiegħed ikollhom tnaqqis ta’ 70% kull wieħed.


