Thursday, April 30, 2026

Jinħeles mill-akkużi kollha: Il-ġurati jsibu lil Maher Aljasem mhux ħati ta’ qtil f’Marsalforn

Aqra wkoll

Maher Aljasem ta’ 28 sena, ġie lliberat mill-akkużi kollha miġjuba kontrih b’rabta mal-mewt ta’ Fawez Najem, li kellu 25 sena meta nqatel.

Wara deliberazzjoni li damet ħames sigħat, il-ġurati rritornaw fl-awla 22 quddiem l-Imħallef Neville Camilleri biex jagħtu l-verdett tagħhom. Dwar l-aktar akkuża serja, dik ta’ omiċidju volontarju, il-ġurati ddeċidew li Aljasem mhuwiex ħati b’vot ta’ 8 kontra 1.

Rigward it-tliet kapijiet l-oħra tal-akkużi, li kienu jinkludu offiża volontarja fuq il-persuna, il-pussess ta’ arma bil-ponta u li jaqta’ mingħajr permess, kif ukoll ksur tal-paċi pubblika, il-ġurati kienu unanimi fid-deċiżjoni tagħhom li Aljasem mhuwiex ħati.

Il-każ imur lura għas-7 ta’ Mejju tal-2022, meta f’Marsalforn, Għawdex, inqalgħet ġlieda bejn żewġ gruppi ta’ persuni. Jidher li l-argument beda fuq kwistjonijiet finanzjarji u eskala f’appartament, fejn il-vittma miet kawża ta’ daqqa ta’ sikkina f’qalbu.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-avukati Angele Vella u Cynthia Tomasuolo mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Għall-akkużat dehru l-avukati Peter Fenech, Amy Zahra u Elena Fenech.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport