Thursday, April 30, 2026

Proposti tal-politika tal-passat tal-PN jikkonfermaw li mhux lest imexxi lill-pajjiż

Aqra wkoll

Il-Partit Laburista sostna li l-proposti b’rabta mas-saħħa tal-Partit Nazzjonalista jikkonfermaw il-politika tal-passat li jħaddan u allura, kemm mhuwiex lest li jmexxi lil dan il-pajjiż.

Id-Deputat Parlamentari Chris Fearne qal li l-Partit Nazzjonalista jidher li mhux ippreparat biżżejjed, bi proposti li m’humiex maħsuba sew, nieqsa mid-dettall u mhux ibbażati fuq pjan konkret.  Sostna li huwa perikoluż li partit jaspira li jmexxi l-qasam tas-saħħa mingħajr pjan ċar u dettaljat. 

Dr Fearne qal li l-enfasi tal-Partit Nazzjonalista fuq il-kura terzjarja, tinjora kompletament il-kura primarja, jiġifieri s-servizzi fil-komunità bħal tobba tal-familja u ċ-ċentri tas-saħħa. Huwa sostna li dan juri ritorn lejn il-politika tal-passat ta’ GonziPN li kienet wasslet għal problemi serji fis-settur tas-saħħa qabel l-2013.  Wissa li t-tnaqqis tal-kura primarja jwassal għal konsegwenzi serji u qal li dawn is-servizzi huma l-pedament tas-saħħa tal-poplu. Żied li matul l-aħħar snin żdiedu s-servizzi fil-komunità u nfetħu faċilitajiet ġodda biex jintlaħqu aktar nies qrib darhom.

Dwar il-proposti tal-PN marbuta mal-ħaddiema fis-saħħa, Dr Fearne qal li l-miżuri tal-PN jistgħu joħolqu diskriminazzjoni bejn ħaddiema Maltin u oħrajn li jaħdmu barra u jirritornaw. Spjega li skont il-liġi Ewropea, dawn il-benefiċċji jistgħu japplikaw ukoll għal ċittadini oħra tal-UE, u dan jista’ joħloq inġustizzji u tensjonijiet fis-settur.  Huwa rrefera wkoll għal miżuri simili fil-passat li kienu ħolqu differenzi u problemi fost il-professjonisti tas-saħħa.

Is-Segretarju Parlamentari Glenn Bedingfield kompla billi qal li l-Partit Nazzjonalista mhux biss mhux ippreparat, iżda wkoll ma tgħallimx mill-iżbalji tal-passat.  Sostna li hemm konfużjoni fil-messaġġi tal-Partit Nazzjonalista, b’dikjarazzjonijiet kontradittorji dwar diversi suġġetti, inkluż il-politika dwar il-ħaddiema barranin. Qal li dan joħloq inċertezza dwar id-direzzjoni li qed joffri dan il-partit.

Irrefera wkoll għall-kwistjoni tal-waiting lists u qal li hemm kontradizzjoni bejn dak li qed jingħad illum u r-rekord tal-passat ta’ esponenti tal-istess partit.  Dwar l-infrastruttura tas-saħħa, Glenn Bedingfield qal li għad m’hemmx ċarezza mill-PN dwar fejn u kif se jinbena sptar ġdid li qed jissemma. 

Huwa temm jgħid li għall-kuntrarju, il-Partit Laburista qed jippreżenta viżjoni ċara bi proposti dettaljati u costed, li jkopru diversi setturi u jindirizzaw il-bżonnijiet tal-poplu Malti f’kull stadju tal-ħajja.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport