Saturday, December 21, 2024

“Dan huwa gvern li ħa u li se jibqa’ jieħu d-deċiżjonijiet”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Waqt kollegament telefoniku fuq OneRadio, il-Prim Ministru qal li pajjiżi ewropej għandhom jgħinu pajjiżi oħrajn biex flimkien inkunu nistgħu negħlbu din il-pandemija.

Abela qal li wara li l-programm ta’ tilqim mexa b’mod b’saħħtu ħafna, assigurajna li jkollna serħan il-moħħ li anke jkollna r-riżorsi kollha meħtieġa biex fejn l-awtoritajiet tas-saħħa jidhrilhom li jkun hemm bżonn, jingħata l-booster.

Il-Prim Ministru qal li pajjiżna minkejja ċ-ċokon tiegħu mexxa bl-eżempju fi żmien ta’ pandemija u saħansitra kien kapaċi jassisti b’40,000 doża u 40,000 testing kits lil-Libja. Din ma kinitx l-ewwel għajnuna li ta pajjiżna tant li aktar qabel pajjiżna ta’ lil dan il-pajjiż numru ta’ ċilindri bl-ossiġnu.

Il-Prim Ministru qal li mhuwiex b’kumbinazzjoni li pajjiżna huwa l-anqas li jniġġeż għal kull persuna. Huwa qal li dan huwa riżultat għal deċiżjonijiet li ħa gvern Laburista meta pajjiżna neħħa l-użu tal-faħam fost deċiżjonijiet oħra.

Rigward l-importanza tal-għaqda, Abela qal li kulħadd jeħtieġ jifhem li l-privat għandu jkun inċentivat biex jasal jagħmel l-għażliet li jwasslu għal dawn ir-riżultati ambjentali sostenibbli. Barra minn dawn hemm investimenti kbar li saru f’vetturi elettriċi u mezzi oħra ta’ enerġija rinovabbli.

Ma naqasx milli jsemmi l-importanza tat-trasport fuq il-baħar u l-investiment li sar fis-servizz tal-Fast Ferry. Barra minn hekk dan il-gvern qiegħed jinċentiva lill-pubbliku biex jagħżel it-trasport pubbliku billi fost għajnuniet oħra qiegħed jara eluf ta’ studenti jagħmlu użu minnu bla ħlas.

Abela qal li pajjiżna mhux rieqed fejn jidħlu deċiżjonijiet. “Dan huwa l-gvern li ħa u li se jibqa’ jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa fl-interess tan-nies u magħna taf fejn int”, sostna l-Prim Ministru.

Rigward “l-istess diska ta’ negattività tal-Partit Nazzjonalista”, Abela qal li moħħha biss biex tippromwovi xena perfetta fi żmien li kienet tmexxi hi għal waħda li spiċċat mal-amministrazzjoni Laburista. Abela qal li l-istatistika titkellem waħidha u dan il-gvern kien kapaċi jreġġa’ lura l-ħsara li saret fi żmien l-amministrazzjoni preċedenti.

Rigward il-Partit Nazzjonalista, Il-Prim Ministru qal li l-poplu ma jista’ qatt jafda partit li moħħu biss fil-kunflitt intern li qed jirkeb fuq l-importanza li dan il-partit jersaq bi proposti ġodda ta’ titjib.

Rigward l-edukazzjoni, Abela spjega li hemm direzzjoni ċara biex isiru l-arranġament neċessarji biex minn Ottubru l-istudenti jsibu posthom fl-iskola. Huwa fakkar li l-proċess tat-tilqim baqa’ għaddej b’ritmu tajjeb ħafna, bl-għalliema li huma mlaqqmin kompletament u studenti li għandhom aċċess għall-vaċċin. Huwa qal li l-awtoritajiet konċernati qed jagħmlu minn kollox biex l-istudenti ma jkomplux jitilfu mill-esperjenza edukattiva tagħhom b’mod fiżiku. Barra milli għaddej xogħol kbir fl-iskejjel, b’estenzjonijiet sostanzjali, il-gvern se jkompli jinvesti miljuni ta’ euro biex l-esperjenza edukattiva tibqa’ waħda tajba u b’saħħitha.

Il-Prim Ministru ħa l-okkażjoni biex jgħaddi messaġġ ta’ kuraġġ lil dawk li ma rċevewx ir-riżultati mixtieqa u appella biex dawn l-individwi jibqgħu determinati li jaslu.

Ekonomija

Sport