Il-Malta Football Association (MFA) u l-Bank of Valletta (BOV) ifformalizzaw ftehim ġdid ta’ sħubija li permezz tiegħu l-BOV se jsir sieħeb uffiċjali tat-tim nazzjonali Malti tal-kbar sal-2028.
Il-ftehim ġie ffirmat nhar it-Tnejn fis-Centenary Hall u jikkonferma l-appoġġ tal-bank lejn l-Assoċjazzjoni u t-tim nazzjonali.
Il-logo tal-BOV fuq l-ilbies tat-team nazzjonali
Skont dan il-ftehim, il-logo tal-BOV se jkun jidher b’mod prominenti fuq l-ilbies tat-taħriġ tat-team nazzjonali, kif ukoll fuq il-ġakketta uffiċjali li l-plejers jilbsu waqt id-dehriet uffiċjali tat-team.
Din is-sħubija tkompli ssaħħaħ ir-relazzjoni li ilha snin twal bejn l-MFA u l-BOV, filwaqt li tirrifletti l-impenn komuni tagħhom biex ikomplu jappoġġjaw il-football Malti u l-iżvilupp tiegħu.
Permezz ta’ dan il-ftehim, il-BOV se jkollu preżenza viżibbli maġenb it-team nazzjonali Malti hekk kif il-players jirrappreżentaw lil pajjiżna f’kompetizzjonijiet u impenji internazzjonali fis-snin li ġejjin.
L-MFA u l-BOV isaħħu l-impenn tagħhom lejn il-football Malti
Il-President tal-MFA, Bjorn Vassallo, laqa’ b’sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-BOV li jkompli jinvesti fl-Assoċjazzjoni, filwaqt li ddeskriva din is-sħubija bħala pass ieħor ’il quddiem fir-relazzjoni bejn iż-żewġ organizzazzjonijiet.
“L-Assoċjazzjoni u l-Bank għandhom sħubija li ilha għaddejja għal ħafna snin, fejn iż-żewġ organizzazzjonijiet evolvew flimkien matul iż-żmien. Illum, din ir-relazzjoni marret lil hinn mis-sinerġiji kummerċjali u tinkludi wkoll appoġġ finanzjarju li, fil-bidu kien iffukat fuq il-kompetizzjonijiet domestiċi, issa qed jinfirex ukoll mat-timijiet nazzjonali,” qal Vassallo.

“Għall-MFA huwa ta’ unur li tkompli ssaħħaħ ir-relazzjoni tagħha mal-BOV u, permezz ta’ dan l-investiment, tkompli tikkontribwixxi għal xi ħaġa li tgħaqqadna bħala pajjiż: it-timijiet nazzjonali tagħna,” żied jgħid.
Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Operat tal-BOV, Ernest Agius, qal li din il-kollaborazzjoni turi l-importanza li l-bank jagħti lill-isport bħala mezz li jgħaqqad lin-nies.
“Il-Bank of Valletta huwa kburi li qed isaħħaħ l-appoġġ tiegħu lejn it-team nazzjonali Malti, filwaqt li jibni fuq ir-relazzjoni li ilha tiżviluppa għal ħafna snin bejn il-BOV u l-MFA. Din il-kollaborazzjoni tirrifletti aktar mill-impenn tagħna lejn il-football. Hija turi t-twemmin tagħna fir-rwol importanti li għandu l-isport biex jgħaqqad lin-nies, jispira lill-ġenerazzjonijiet iż-żgħar u jsaħħaħ is-sens ta’ komunità u identità nazzjonali,” qal is-SurAgius.
“It-team nazzjonali għandu r-responsabbiltà u l-privileġġ li jirrappreżenta lil Malta fix-xena internazzjonali. Għalhekk, aħna kuntenti li nkunu ta’ appoġġ għall-players, il-coaches u l-kumplament tat-team hekk kif jilbsu l-kuluri nazzjonali bi kburija, determinazzjoni u impenn.”
Is-Sur Agius kompla jgħid li l-appoġġ lejn l-isport Malti ilu għal żmien twil jagħmel parti mill-impenn tal-BOV lejn il-komunitajiet li jservi.
“Ir-relazzjoni tagħna mal-MFA hija mibnija fuq valuri komuni bħall-ħidma f’teAm, id-dedikazzjoni, ir-reżiljenza u t-tfittxija għall-eċċellenza. Qed inħarsu ’l quddiem biex inkomplu din il-kollaborazzjoni u nappoġġjaw l-iżvilupp tal-football Malti f’kull livell.”
“F’isem il-Bank of Valletta, nixtieq nawgura kull suċċess lit-team nazzjonali Malti fl-isfidi li għandu quddiemu u nassigurah mill-inkoraġġiment u l-appoġġ tagħna,” temm jgħid is-Sur Agius.
L-MFA rringrazzjat lill-BOV għall-appoġġ kontinwu tiegħu u esprimiet il-ħerqa tagħha li tkompli tibni fuq din is-sħubija matul il-perjodu tal-ftehim.




