Tuesday, May 14, 2024

Darts: Ħamrun Bayern A jirbħu lill-ġirien u jżommu l-pass ma’ ta’ fuq

Aqra wkoll

Ħamrun Bayern A kisbu l-ikbar rebħa tal-ġurnata fil-kampjonat 8-a-side organizzat mill-Assoċjazzjoni Maltija tad-Darts wara li għelbu lill-ġirien Top Gun Marsa 8-0.

Il-Ħamruniżi ddominaw kompletament dan il-konfront sabiex baqgħu jittamaw għar-rebħ tal-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni li mistenni jkun wieħed missielet sal-aħħar.

Floriana Ajax X Clean ukoll kellhom rebħa tajba ta’ 6-2 kontra Ħamrun Bayern B sabiex baqgħu jżommu l-pass man-naħa ta’ fuq tal-klassifika, l-istess bħalma għamlu Education Bar Ħamrun li rebħu 7-1 kontra Sliema Inter Darts Club.

F’logħba ferm bilanċjata, Fgura Kenky u Manchester Conquest Pub spiċċaw fi draw ta’ 4-4.

Fit-tieni diviżjoni, Birżebbuġa Lions baqgħu l-leaders wara li għelbu lil Fgura Maypole 6-2 filwaqt li Beland Żejtun baqgħu jissieltu mal-postijiet l-aktar għolja fil-klassifika b’rebħa tajba ta’ 7-1 kontra Cox Bar.

Mqabba tal-Ġilju u Floriana Ajax MCP spiċċaw fi draw ta’ 4-4.

Finalment fit-tielet diviżjoni, ikompli d-dwell bejn Żejtun Beland u Birgu Boċċi Club hekk kif iż-żewġ timijiet rebħu l-konfronti rispettivi tagħhom.

Żejtun Domus għelbu lil Żebbuġ Rangers FC 5-3 filwaqt li l-Ġirbin għelbu lil Duke’s A 6-2.

Duke’s B kisbu suċċess fil-logħba tagħhom kontra Mqabba FC 7-1.

Sport