Sunday, December 22, 2024

“Dejjem issib l-iskużi kollha sabiex toħroġ hi tal-vittma!”

20 xahar ħabs għax serqet familja waqt li kienet taħdem ta’ ħassiela

Aqra wkoll

Familja li fittxew ħassiela minn fuq Facebook, spiċċaw inġidmu waħda sew u dan hekk kif ġew misruqin mill-istess ħassiela. Din il-ħassiela ta’ meta seħħ il-każ kellha 43 sena, kienet tmur tnaddaf darba fil-ġimgħa u magħha kienet tieħu biss mowbajl u portmoni. Ġara li r-raġel kien sab xi deheb ta’ ommu nieqes u wara li fittxew sabu aktar deheb u ġojjelli neqsin. Bil-valur tas-serqa jkun stmat għal €5,000, il-ħassiela kienet biegħet id-deheb misruq għal prezz ta’ €1,100. Il-Qorti kellha kliem iebes fil-konfront tal-ħassiela Graziella Debono, fejn minkejja li kellha tħallas lura l-valur misruq hi baqgħet qatt ma għamlet dan. Il-Qorti tirrimarka li “dejjem issib l-iskużi kollha biex toħroġ hi tal-vittma”. Il-Qorti qalet li ma tistax tafda lil Debono li se trodd lura l-valur misruq, u kkundannata 20 xahar ħabs.

Louise Formosa xehdet li “f’Settembru tas-sena 2020 kienet qed tfittex ħassiela u minn Facebook telgħulha xi numri fejn fosthom kien hemm in-numru ta’ Graziella Debono. Din bdiet tmur għandha tnaddaf kull nhar ta’ Ġimgħa. Qalet li hi kienet tmur biss bil-mobajl u bil-portmoni. Spjegat li kien hemm drabi li kien ikun hemm xi hadd id-dar u kien ikun hemm drabi oħra fejn ma kien ikun hemm ħadd id-dar. Tgħid ukoll li darba l-Ħadd ir-raġel tagħha fetaħ il-kexxun fejn ikun hemm id-deheb u ma sabx il-fili ta’ ommu. Spjega li Debono l-aħħar li kienet marret kien nhar il-Ġimgħa ta’ qabel. Wara li qallbu d-dar hareg li anke l-fili tad-deheb tat-tifla tagħhom ma setgħux isibuh, flimkien ma’ giżirajjen tagħha b’żewġ domni. Spjegat li l-aħħar tliet darbiet Debono kienet marret b’basket fejn is-soltu kienet tmur biss b’mobajl u portmoni.

Saħqet li bdew jissuspettaw fi Graziella u staqsewha sabiex il-ġimgħa ta’ wara tmur is-Sibt sabiex ikunu hemm huma iżda wara ftit hi bagħtitilhom messaġġ fejn qaltilhom li kienet weġġgħet saqajha għax waqgħet tliet sulari u ma kinitx ser tmur iżjed.

John Formosa li jiġi r-raġel ta’ Louise, ikkonferma dak li xehdet il-mara tiegħu qablu u qal li meta bdew jissuspettaw fi Graziella marru jagħmlu rapport l-ghassa tal-pulizija.

Xehed il-ġojjellier Raymond Lanzon fejn hu ikkonferma l-stima ta’ €5,325 f’deheb u ġojjelli misruqin.

L-Ispettur Jeffrey Scicluna minn naħa tiegħu xehed kif żvolgiet l-investigazzjoni fejn wara li ttieħdet l-istqarrija ta’ Graziella bil-kawteli kollha skont il-ligi, hi kienet ammettiet li kienet serqet dawk l-oggetti mingħand Louise u li kienet bigħithom għand Debono Jewellers ghas-somma ta’ €1,135.

Il-Qorti qalet li kkunsidrat li Graziella Debono kienet ġiet ikkundannata fil-mori ta’ dawn il-proċeduri għall-ksur tal-ħelsien mill-arrest mogħti mill-Maġistrat Rachel Montebello u li kissret ordni mogħtija mill-Magistrat Josette Demicoli nhar it-28 ta’ Jannar tas-sena 2021 li ghalihom wehlet sitt xhur prigunerija flimkien ma’ multa.

Il-Qorti qalet li “rat li Graziella Debono ngħatat diversi okkażjonijiet saħansitra fil-mori tas-sentenza odjerna biex tibda tħallas xi pagamenti lill-parte civile.

Il-Qorti qalet li “l-aħjar prova f’dawn il-proċeduri hi indubbjament l-istqarrija ta’ Graziella Debono, fejn hi ammettiet li serqet ammont ta’ deheb mir-residenza u li dan id-deheb kienet marret tbiegħu għand Debono Jewellers fejn effettivament dan gie kkonfermat minnhom stess anke permezz ta’ debita ricevuta li giet ippreżentata in atti u li turi n-numru tal-karta tal-identità ta’ Graziella Debono.

“Din il-Qorti tħoss li Graziella Debono ma toffri l-ebda serħan tal-moħħ li ser tħallas b’xi mod il-parte civile li kieku tingħata piena mhux karċerarja. Tul dawn il-proċeduri, li ħadu ftit taż-żmien biex hi jkollha ċans tħallas iżda hi ma ppruvatx tibda tħallas xi ħaġa mis-somma dovuta minnha iżda dejjem issib l-iskużi kollha sabiex toħroġ hi tal-vittma! Dan magħdud mal-fatt li l-fedina penali tagħha hija waħda kkulurita b’akkużi simili ħafna għal dawk odjerni u saħansitra għandha addebitat lilha l-aggravju tar-reċidiva.

Il-Qorti sabet lil Graziella Debono ħatja tal-akkużi u kkundannaha għal perjodu ta’ għoxrin xahar prigunerija effettiva.

Hi ġiet ikkundannata tħallas €5,000 lill-parte civile fi żmien sena.

Ekonomija

Sport