Thursday, January 30, 2025

‘Determinat li nerġa’ npoġġi t-table tennis f’pajjiżna fejn jixraqlu u nħares lejn futur aħjar għal dan l-isport’ – John Sciberras (MTTA)

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn it-table tennis?

L-imħabba tiegħi lejn l-isport minn dejjem kienet ġo fija. Kont attiv f’diversi sports. Fil-bidu tal-istudju sekondarju tiegħi, kont attiv ħafna fit-table Tennis u l-futbol. Fil-futbol lgħabt għal diversi snin mal klabb tar-raħal tiegħi, fejn kelli x-xorti nilgħab fl-ogħla diviżjonijiet tal-futbol Malti. Wara li rtirajt mill-futbol, attendejt kors tal-kowċing fejn wara li ġibt il-liċenzja UEFA ‘C’ għamilt żmien nikkowċja ma’ nurseries differenti. Bdejt nilgħab ukoll it-tennis fejn anke servejt għal numru ta’ snin bħala Segretarju Ġenerali tal-Malta Tennis Federation.

B’xi mod skoprejt li l-Malta Table Tennis Association kienu fi bżonn ta’ sapport fit-tmexxija tal-assoċjazzjoni, u ħadt interess u kkontestajt għall-kariga ta’ president tal-assoċjazzjoni, fejn ġejt elett.

Iddeskrivi r-rwol tiegħek bħala president tal-Malta Table Tennis Association (MTTA).

Meta tkun fil-kariga ta’ president, għandek ir-responsabbiltá ta’ tmexxija tal-isport, kemm dik fl-organizzazzjoni tal-attivitajiet kif ukoll governanza. L-iktar ħaġa importanti fit-tmexxija hija dik kemm tkun kapaċi żżomm l-għaqda fl-isport. Din mhix xi ħaġa faċli, peró, bl-għajnuna tal-Eżekuttiv u l-membri tasal biex tagħmel dak kollu li hemm bżonn biex ittejjeb il-livel tal-isport. Wieħed irid jara fejn l-aħjar li jinvesti biex l-assoċjazzjoni tipprovdi l-apparat neċessarju biex titjieb il-logħba tat-table tennis f’pajjiżna. Dan kollu jieħu ż-żmien tiegħu! 

Fiex waslu d-diskussjonijiet sabiex ikun hemm kowċ ġdid tat-tim nazzjonali tat-table tennis?

Għalkemm id-diskussjonijiet rigward kowċ nazzjonali ġdid illhom li bdew, grazzi għall-koperazzjoni tal-Kumitat Olimpiku Malti (KOM) u SportMalta, l-Assoċjazzjoni tinsab fi stadju avvanzat u fiduċjuż li jiġi finalizzat ma jdumx. Dan huwa punt kruċjali għall-assoċjazzjoni biex wieħed ikun jista’ jippjana fit-tul l-iżvilupp tal-plejers Maltin. Min-naħa l-oħra, l-Eżekattiv, ikollu gwida ċara ta’ fejn l-aħjar li jinvesti biex l-għanijiet tal-assoċjazzjoni b’kawtela jintlaħqu.

Kif tqis il-livell tar-riżorsi fejn jitħarrgu u jilagħbu l-logħob kompetittiv tagħhom il-plejers Maltin?

Wieħed irid jagħrbel sew fejn il-plejers tagħna jittrenjaw, jilagħbu u jikkompetu. L-ispejjeż huma problema kbira, speċjalment fil-każ tagħna li bilfors trid tuża mezzi ta’ trasport bħall-ajruplan. Il-livell tal-plejers Maltin għall-ammont ta’ ħin li jipprattikaw huwa limitat. Għalhekk l-assoċjazzjoni tagħmel l-almu kollu taghha biex l-ammont ta’ sigħat ta’ taħriġ jiżdied biex kif inhu xieraq intejbu l-livell tagħhom. Dan minbarra li kemm jista’ jkun nagħtuhom ferm aktar okkażjonijiet biex jilagħbu kontra plejers ferm aħjar minnhom.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-amministrazzjoni ta’ dan l-isport?

Jien determinat li nerġa’ npoġġi t-table tennis f’pajjiżna fejn jixraqlu u nħares lejn futur aħjar għal dan l-isport. Nemmen li wara l-proġetti flimkien mal-kollegi tal-Eżekattiv, nista’ nassigura għaqda kbira fl-isport. Dan kollu jgħin biex nagħtu l-aqwa opportunajiet lill-plejers kollha li jippromettu f’dan l-isport.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jilgħab it-table tennis.

Li wieħed jipprattika xi tip ta’ sport huwa dejjem tajjeb, kemm fiżikament, kif ukoll mentalment u soċjalment. It-Table Tennis ilu magħna għal snin twal u tista’ tgħid li jiġi pprattikat minn diversi katigoriji u livelli ta’ nies. Meta wieħed ikun interessat li jieħu t-Table Tennis bħala sport professjonali, tajjeb li jibda ta’ etá żgħira. Jien inħossni kuntent meta nara s-sala mimlija bil-plejers ta’ kategoriji differenti jilagħbu kull ġimgħa. Biex wieħed jibda jilgħab it-Table Tennis, mhux xi ħaġa ta’ barra minn hawn! Peró, huwa importanti li wieħed jiġi ggwidat minn kowċis kwalifikati biex ikun jista’ jibda jillgħab it-Table Tennis fuq sisien tajba. Il-Malta Table Tennis Association se tagħmel minn kollox biex tkompli tkabbar dan l-isport f’pajjiżna. Nawguralkom għal-logħba tagħkom u nwiegħdkom li se nkun hemm għas-servizz tagħkom!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport