Thursday, April 18, 2024

Dewwa mijiet ta’ suldati fi stat orribbli u kien ipaxxi lil min jisimgħu jdoqq il-Harmonica

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Magħruf bħala ‘Harmonica Pete’. Min isegwu l-veterani tat-Tieni Gwerra Dinjija u attivitajiet li jsiru, xi darba jew oħra żgur li ra lil ‘Harmonica Peter.  Ismu propja hu Pete DuPre, iżda sar magħruf “Harmonic Pete” minħabba li kien idoqq l-Harmonica. Tista’ tgħid li kien isaħħar li kulħadd. Jibqa’ iżda magħruf għas-sensazzjoni li ħoloq fis-sena 2019, eżattament f’Mejju meta hu daqq l-innu nazzjonali bil-Harmonica qabel logħba futbol tan-nisa bejn it-tim tal-Istati Uniti u dak tal-Messiku, liema logħba saret fi New Jersey. Dakinhar il-folla fil-grawnd immutat għal ħoss ta’ dak l-istrument ċkejken. Il-filmat tiegħu idoqq segwewh miljuni f’ħin qasir.

Pete, li kien ambaxxatur tal-veterani tat-Tieni Gwerra u kien jagħmel dan mingħajr ħlas għax l-interess tiegħu kien li dak li seħħ ma jintesiex, miet proprju fl-aħħar jiem. Pete kien jivvjaġġa regolarment u jirrakkonta dak li għadda minnu matul it-Tieni Gwerra Dinjija.

Fi kliemu stess, “Konna ħamest aħwa. L-akbar waħda kienet oħti Jane. Hi infermiera fl-isptar ta’ Bellevue fi New York. Ommi u missieri mietu meta aħna konna żgħar ħafna. It-tliet ħuti l-oħra u jien spiċċajna ngħixu ma’ ħbieb, ġirien u ma’ xi familjari.”

“Meta kont fil-High School, seħħ l-attakk mill-Ġappuniżi fuq Pearl Harbour. Waħda mill-ħafna bombi li intefgħu laqtet il-Bausch  & Lomb, li kien maħżen li kien mimli trombi li jintużaw mis-suldati. Ħafna minn dawk it-trombi nġabu fil-B&L f’Rochester fi New York, il-post fejn dak iż-żmien kont qed ngħix.  Saret sejħa li kien hemm bżonn żewġ studenti li kellhom biżżejjed credits biex jiggradwaw, biex dawn jitilqu mill-kulleġġ u jibdew jaħdmu fuq l-irranġar ta’ dawn it-trombi. Jien kont wieħed minnhom. Tlaqt mill-kulleġġ fl-età ta’ 18-il sena”, jgħid Pete.

Ġejt mgħallem minn Pollakka li wara saret marti għal 70 sena

Pete jirrakkonta li “ġejt mgħallem u mħarreġ f’dan ix-xogħol il-ġdid minn tifla sabiħa Pollakka. Ħadna grazzja ma’ xulxin. Bdejna ninħabbu u spiċċajna żżewwiġna. Damet marti għal 70 sena. Tliftha proprju ftit snin ilu fl-età ta’ 90 sena.” 

Ħutu ukoll spiċċaw inkitbu fl-armata fejn  Dave daħal mal-Air Force, Paul mal-Marines u Tom daħal il-kulleġġ. 

“Ġara li wara xi żmien kien se jibagħtuni fi Frankfort Armory f’Phiy li kien depot li fih kien jinżammu t-trombi tal-armata. Imma qabel seħħ dan, id-Dipartiment Mediku tal-Armata kien ħoloq sptar ġdid u dan biex jipprepara għal eluf ta’ suldati li kienu se jkunu feruti fl-invażjoni tad-DDay fin-Normandija”, jirrakkonta Pete.

Saru jafu li jien kont indoqq il-Harmonica… meta nimmarċjaw kienu jpoġġuni wara indoqq

Jirrakkonta li “meta kont qed nagħmel il-bootcamp bħala preparazzjoni, saru jafu li jien kont indoqq il-harmonica. Għalhekk mhux biss spiċċajt nagħmel il-ġiri u t-taħriġ liebes il-‘full pack’, imma kienu jpoġġuni ukoll fuq wara biex indoqq u b’hekk dawk li jaqgħu lura iżommu l-pass xorta”.  

“Ix-xogħol tiegħi nbidel u dan seħħ meta sirt membru tal-Army 114th General Hospital. Intbgħatna nitħarrġu fil-Grady General Hospital f’Atlanta. Il-korsijiet tagħna kienu bbażati fuq taħriġ mediku biex indewwu l-feruti. Ma kinitx faċli. Il-lezzjonijiet kienu jibdew fis-2.00 a.m jibqgħu sejrin sas-7.00 p.m. 15-il siegħa kienu iebsin imma s-sistema ħadmet. Il-unit ġie jiffunzjona u kien kompost minn diversi ħaddiema mediċini imħarrġin f’oqsma differenti. Jien kont qed nopera bħala medical and surgical technician. Eventwalment intbgħatna lejn l-Ingilterra biex inservu fi sptar ġdid li kien inbena hemm. Dan hu l-post li konna fih meta saret il-Battle of the Bulge. Ta’ kuljum kien jaslu fl-isptar pazjenti, ħafna minnhom fi stat orribbli. Il-pazjenti ma kinux jieqfu. Ma kienx hemm ħin, il-ħin kollu ġejjin.  Xogħolna kien li nieħdu ħsiebhom”.

Ma kinux iridu jmorru lura lejn id-dar imma kienu jridu jmorru lura fuq il-kamp tal-battalja

Pete jgħid li “bażikament xogħolna kien li ndewwuhom. Huma kienu jgħidulna li dak li jridu hu li jirkupraw saħħithom ħalli jirritornaw fuq il-kamp tal-battalja. Kienu jgħiduli – ‘tibgħatnix lura lejn id-dar. Fejjaqli l-ġrieħi ħalli nirritorna ħdejn sħabi”, jisħaq Pete.

Pete issa mhux se jirrakkonta aktar stejjer.  Mhux se jkun aktar l-ambaxxatur għall-veterani.  Issa hu d-dmir ta’ min qed jgħix illum u ta’ dawk li ġejjin warajhom, biex l-istejjer orribbli ta’ dak li għaddew minnhom dawn il-veterani jibqgħu jixxandru u ma jintesewx. Wieħed ma jridx jinsab li l-mument li d-dinja tieqaf tfakkar il-passat, tkun qed tikkundanna lilha nnfisha li terġa’ tgħix u tirrepeti dak il-passat ikrah. 

Artiklu preċedenti
Artiklu li jmiss
Ekonomija

Sport