Saturday, April 27, 2024

It-tqassim tal-ġid

Aqra wkoll

Qegħdin ngħixu fi żminijiet, illum ħafna aktar minn qabel, fejn kollox idur mas-suq. Kollox jiddependi minn kemm se nbigħu, minn kemm se jkun hemm suq b’saħħtu. Illum is-suq tant sar importanti li spiss qegħdin naraw li s-suq sar aktar importanti mill-bniedem. Spiss tara li titfassal politika immirata kompletament biex is-suq ikompli jikber u jissaħħaħ, u jitwarrbu l-interessi tan-nies.

Sfortunatament qed inkomplu naraw u dan anke fl-Ewropa fejn minkejja l-ġid li jinħoloq, minkejja l-politika li titfassal biex jinħloq il-ġid u jitqassam b’mod ġust, xorta waħda nibqgħu naraw li l-ġid ma jasalx għand kulħadd. Nibqgħu naraw li jkun hemm nies li minkejja għajnuniet, benefiċċji u servizzi oħra, jibqgħu fejn ikunu jew imorru għall-agħar. Hu fatt ukoll li għandna soċjetajiet fejn minkejja li l-ġid ikun żdied u żdied b’mod sostanzjali ikollhom ammont ta’ nies li dan ma jħossux. Il-ġid ma jasalx għandhom.

Statistika li kienet inħarġet mill-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kundizzjonijiet tal-Għajxien u tax-Xogħol (Eurofound) kienet uriet li fejn jidħol pajjiżna  bejn is-sena 2010 u s-sena 2017 kien hemm 5% li huma l-iżjed sinjuri li marru għall-aħjar. Skont dan l-istudju bejn  90% u 95% tal-popolazzjoni tilfu 3% tal-ġid tagħhom, filwaqt li l-iżjed 5% sinjuri żiedu il-ġid tagħhom b’7%. Dawk li ntlaqtu l-agħar kienu l-iżjed grupp fqir tal-popolazzjoni.

Din hi inugwaljanza u hu ta’ dispjaċir tara li din l-inugwaljanza kemm f’pajjiżna u anke pajjiżi oħra fl-Unjoni Ewropea u ‘lbarra minnha qed tkompli tiżdied. Filfatt minn rapport tal-OECD għas-sena 2017 juri li l-inugwaljanza fl-Ewropa laħqet l-għola livelli fejn 10 fil-mija ta’ dawk l-aktar sinjuri għandhom xejn inqas minn 50 fil-mija tal-ġid kollu. F’Malta ukoll naraw li aktar minn nofs il-ġid tal-pajjiż huwa ta’ 10% tal-popolazzjoni.

Nemmnu li din hi sitwazzjoni inkwetanti. Nemmnu li l-politika tas-suq għenet biex din l-inugwaljanza kompliet tikber. Nemmnu li din l-inugwaljanza li ħafna jagħżlu li jinjoraw u jwarrbu fil-ġenb trid tiġi trattata. Din tiġi trattata biss b’politika li mhux tara li jinħoloq il-ġid imma tara li dan jitqassam tajjeb. Li jasal, jekk jista’ jkun għand kulħadd, b’mod speċjali dawk l-aktar vulnerabbli. Nemmnu li għandu jkun hemm politika li tara li l-ġid li jkun inħolqo ikun qed jitqassam b’mod ġust. Hu propju għalhekk li hemm bżonn analiżi biex wieħed jistabbilixxi kif qed jitqassam il-ġid li qed jinħoloq.

Sport