F’termini tal-valur tal-wegħdiet tal-bejgħ, April 2025 spikka bħala x-xahar bl-aħjar prestazzjoni li qatt kellna f’pajjiżna. Dan bl-eċċezzjoni ta’ Diċembru tal-2021 meta l-inċentivi relatati mal-COVID laħqu l-ogħla livell. Dan irriżulta mill-aħħar ċifri mħabbra mill-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi (MDA) fejn il-wegħdiet ta’ bejgħ fix-xahar li għadda kienu sinifikanti ‘l fuq. Din ix-xejra, li rriżultat kemm fil-volum kif ukoll fil-valur, tirrifletti attività robusta fil-proprjetà immobbli lokali.
Mill-analiżi komparattiva li għamlet l-MDA bejn April 2024 u April 2025 irriżulta li kien hemm żieda fin-numru ta’ wegħdiet ta’ bejgħ bin-numru totali minn 1,385 f’April 2024 jitla’ għal 1,574 f’April 2025. Dan jimmarka żieda ta’ 189 ftehim (+14%). Iż-żieda kienet anke rreġistrata fid-dħul. Fil-fatt, id-dħul iġġenerat minn dawn il-ftehim żdied minn €415,295,353 f’April 2024 għal €551,387,491 f’April 2025. Dan jirrappreżenta tkabbir impressjonanti ta’ €136,392,138 ekwivalenti għal 33% żieda.
Dawn iċ-ċifri juru r-reżiljenza u l-attrazzjoni kontinwa tas-settur tal-proprjetà f’Malta, kif ukoll ir-rwol kruċjali tiegħu fix-xenarju ekonomiku usa’. L-MDA min-naħa tagħha qalet li se tibqa’ soda fil-ħidma tagħha għal żvilupp sostenibbli u ppjanar futur aħjar fi ħdan l-industrija tal-proprjetà immobbli.
Biex tikseb dawn l-għanijiet l-MDA qalet li se timbotta b’mod attiv għal riformi mmirati lejn it-tisħiħ tal-istandards tal-industrija, il-promozzjoni tat-trasparenza u l-iżgurar li t-tkabbir ikun allinjat ma’ prinċipji ta’ sostenibbiltà.