Wednesday, July 24, 2024

DIFFERENZA NETTA BEJN IL-MEXXEJJA TAŻ-ŻEWĠ PARTIT EWLENIN

Aqra wkoll

F’Jum il-Ħaddiem nhar l-Erbgħa li għadda, saru diskorsi miż-żewġ mexxejja tal-partiti politiċi ewlenin fejn taw spinta ‘l quddiem lill-kampanja elettorali tagħhom għall-elezzjonijiet tal-parlamnent Ewropew u tal-Kunsilli lokali tat-8 ta’ Ġnju li ġej. Diskorsi li komplew joħorġu aktar fid-deher id-differenza kbira li teżisti bejn iż-żewġ naħat fil-viżjoni li għandhom għall-ġejjieni tal-pajjiż u anke tal-Ewropa.

Dak li spikka l-aktar kien id-diskors tal-Prim Ministru li b’mod ċar u meqjus appella biex ħadd ma jaqa’ għal xi provokazzjoni tiġi minn fejn tiġi. Bl-istess mod saħaq li nkunu b’saħħitna meta nkunu lkoll flimkien. B’hekk biss jistgħu jkomplu jinkisbu aktar suċċessi li jkomplu jibnu fuq il-ħafna tajjeb li diġà sar f’dawn l-aħħar snin.

Dan b’kuntrast ma’ pajjiżi oħra li għadhom qed jissieltu biex joħorġu mir-riċessjoni. B’differenzi f’pajjiżna, minkejja l-isfidi se nkomplu naraw aktar miżuri soċjali fosthom żidiet fil-pagi tal-ħaddiema tas-settur pubbliku, żidiet fil-pensjoni u benefiċċji ġodda bħal dak ta’ €500 fis-sena għal tliet snin lill-ġenituri b’ulied li jkomplu jistudjaw. Dawn ilkoll huma miżuri li jkomplu jtejbu l-kwalità tal-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin.

Ma rridux ukoll ninsew li kien Gvern Laburista li ta lura l-festi pubbliċi, daħħal il-carer’s leave, il-parental leave u żied iċ-children’s allowance filwaqt li se jibqa’ jsostni s-sussidju fuq il-prezzijiet tal-enerġija. Huwa għalhekk li nemmnu, mhux biss għax dan intqal mill-Prim Ministru, imma għax il-fatti juru li dan il-Gvern għandu l-kredenzjali li jwettaq dak li jwiegħed.

Madankollu, m’għandna nieħdu xejn ‘for granted’ għaliex dak li rnexxielna niksbu bħala pajjiż jista jinqered u jogħsfor f’ħakka t’għajn.
Mill-banda l-oħra, jekk kellna niflu u nanalizzaw dak li qal il-kap tal-oppożizzjoni Bernard Grech ma nsibu xejn ġdid ħlief ir-retorika tas-soltu. Retorika li tipprova timpressjoni u li ħadd m’għadu jemminha.

F’diskorsu, il-kap tal-PN ma wera ebda viżjoni ċara għall-futur ta’ pajjiżna la lokalment u wisq inqas fl-Ewropa. Irrepeta biss dak li ilu jgħid u jsemmi, it-twaqqif ta’ mudell ekonomiku ġdid mingħajr ma jgħid x’inhu propju dan il-mudell ekonomiku li għandu fi ħsiebu.
Fil-fehma tagħna, dan kollu huwa turija ċara u fil-beraħ li l-PN għadu ferm bogħod minn dak il-gvern li l-poplu jrid.

Ekonomija

Sport