Sunday, May 5, 2024

Diġitalizzazzjoni ta’ aktar minn 15,000 pjanta storika tas-servizzi tal-ilma

Meta jitlesta se tiżdied il-ħeffa tar-riċerka…

Aqra wkoll

Permezz ta’ kollaborazzjoni bejn il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u Heritage Malta qiegħda tiġi diġitizzata kollezzjoni ta’ aktar minn 15,000 pjanta storika tas-servizzi tal-ilma lokali. Dawn il-pjanti, li jmorru lura aktar minn seklu, juru s-sistemi tal-kanen, stazzjonijiet tal-ippumpjar tal-ilma, kif ukoll xogħlijiet pubbliċi u ppjanar f’Malta u f’Għawdex.

Il-proġett qiegħed jitwettaq mit-Taqsima tat-Teknoloġija u l-Iżvilupp tal-Esperjenza fi ħdan Heritage Malta. Meta l-proġett jitlesta, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma se jkollha aċċess diġitali għall-informazzjoni li hija kruċjali għall-operat tagħha. Barra minnhekk se tiżdied il-ħeffa tar-riċerka b’aċċess fil-pront għall-arkivji, filwaqt li tonqos il-possibbiltà li ssir ħsara lill-pjanti oriġinali, li huma pjuttost fraġli.

Tagħrif kruċjali u kummenti li jgħinu lir-riċerkaturi jinterpretaw il-pjanti aħjar

Waqt żjara, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, u l-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża, Miriam Dalli, ingħataw aġġornament dwar il-progress tal-proġett minn Anthony Cassar, il-Kap tat-Taqsima tat-Teknoloġija u l-Iżvilupp tal-Esperjenza. Preżenti wkoll għal din iż-żjara kien hemm il-Kapijiet Eżekuttivi ta’ Heritage Malta u tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, Noel Zammit u Karl Cilia, kif ukoll iċ-Chairman ta’ Heritage Malta, Mario Cutajar.

Il-Ministru Bonnici qal li, “l-iskennjar ta’ dawn il-pjanti kien possibbli permezz ta’ scanner apposta li għandha Heritage Malta. Minbarra l-iskennjar tal-pjanti, il-proġett jinkludi wkoll l-iskennjar tan-noti bil-lapes li hemm fuq il-pjanti. Dawn in-noti huma importanti ħafna billi bosta minnhom fihom tagħrif kruċjali u kummenti li jgħinu lir-riċerkaturi jinterpretaw il-pjanti aħjar”.

Il-Ministru Miriam Dalli min-naħa tagħha saħqet li dan il-proġett huwa wieħed ta’ importanza kbira mhux biss għall-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, iżda anke għal pajjiżna. “Qegħdin nagħtu aċċess lill-pubbliku inġenerali parti integrali mill-Istorja tas-settur tal-ilma f’Malta, speċjalment studenti u akkademiċi, biex jużaw din l-informazzjoni bħala parti mir-riċerka tagħhom,” spjegat il-Ministru Dalli.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, Noel Zammit, tkellem dwar il-benefiċċji kbar permezz tal-użu tal-aħħar teknoloġija fuq l-artifatti storiċi mentri l-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, Karl Cilia, qal li l-kollezzjoni diversa tal-Korporazzjoni għandha valur u sinjifikat storiku li tinkludi tpinġijiet mil-lat arkitettoniku, pjanti u bosta dokumenti antiki li nstabu matul ir-riċerka għall-pubblikazzjoni tal-ktieb “8000 Years of Water”. 

Sport