Saturday, May 18, 2024

Il-festin li fih se tkun iċċelebrata l-ħajja ta’ Angele De Leuw Muscat

Angele riditna ngawdu dak li għandna issa għax il-futur mhuwiex garantit

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Angele De Leuw Muscat, mara, omm ta’ żewġt itfal u waħda minnha hija l-persuna li ħalliet vojt kbir wara li tilfet battalja qalila kontra l-marda kiefra tal-kanċer. Angele, mara li kient ferm pożittiva, determinata u kalma minkejja l-isfida kbira quddiemha ħalliet impatt fuq is-soċjetà tagħna u wieħed akbar fuq il-familja tagħha u l-ħafna ħbieb li kellha. Iżda, hija qatt ma xtaqet li meta tmut tkun ir-raġuni ta’ dieqa kbira tant li esprimiet ix-xewqa li flok funeral tradizzjonali, isir festin li fih tkun iċċelebrata ħajjitha u jinqasmu l-esperjenzi fost dawk preżenti. Dan il-festin se jsir fis-26 t’Awwissu.

Huma ħafna fostna li bħalissa qegħdin jitkellmu dwar Angele b’mod speċjali fuq il-mezzi tax-xandir u permezz tal-midja soċjali. Ħajjitha kienet waħda normali bħal ta’ kull wieħed u waħda minnha. Angele kienet mara miżżewġa u tieħu ħsieb it-tfal tagħha mingħajr ebda ħsieb. Dan sakemm erba’ snin ilu, f’testijiet li sarulha, saret taf li għandha kanċer fi stadju 4, stadju avvanzat u kritiku ħafna.

Għal Angele l-2022 kienet l-agħar u l-aqwa tagħha għax fi kliemha stess, “kien hemm tbatija fiżika u emozzjonali imma kienet l-isbaħ għax il-kanċer għallimni ħafna biex ngħix il-ħajja kif suppost u fil-mument billi ngawdu li għandna issa. Dan għax il-futur mhux garantit”.

It-tbissima, il-pożittività u l-qalb tajba li kellha…

F’intervista li kienet saritilha meta skont it-tobba kien għad fadlilha biss sena ħajja, Angele kienet qalet li l-bniedem huwa wisq moħli jaħseb fil-passat u li dan m’għandux ikun. Bi tbissima li dejjem kienet sinonima magħha anke fl-aktar mumenti diffiċli, Angele kienet omm mimlija mħabba għal uliedha. Hija kienet esprimiet reżiljenza tant li għamlet kuraaġġ kbir lil diversi persuni f’pajjiżna fejn saħanistra kienet tara li tiltaqa’ ma’ persuni li jagħmlu kuntatt magħha biex tgħinhom ikunu pożittivi.

Din il-mara tant maħbuba għaddiet minn kalvarju imma kienet ta’ eżempju għal kulħadd. Hija dejjem saħqet fl-importanza li ndawru s-sitwazzjoni u l-mod kif naħsbu b’mod pożittiv. Tul dan il-vjaġġ iebes hija kellha s-sostenn tar-raġel tagħha, Caper li kien huwa li, permezz tal-midja soċjali, ħabbar li s-Sibt li ġej, 26 ta’ Awwissu mit-3 ta’ wara nofsinhar ‘il quddiem, se jkunu qegħdin jiċċelebraw ħajjitha proprju kif xtaqet hija. 

Ċelebrazzjoni fil-post fejn Angele kienet tħobb tmur timxi u timmedita

Iċ-ċelebrazzjoni hekk kif kiteb Casper se ssir barra b’mużika, diskorsi u ċerimonja żgħira minn qassis, vidjows kif ukoll xorb u ikel. Barra minnhekk huwa ppjanat li jkun hemm ukoll irkejjen ta’ divertiment għat-tfal li se jattendu. Huwa qal li din iċ-ċelebrazzjoni se ssir f’post fejn Angele kienet tħobb tmur biex timxi u timmedita iżda għadu ma kkonfermax fejn eżatt se jkun.

“Angele kienet ċara fl-ideat li kellha dwar xi xtaqet ladarba tħalli din id-dinja. Ma konniex tkellimna dwar dan is-suġġett iebes ħafna imma meta tkellimna, dejjem riedet li jkun avveniment ta’ festa fejn in-nies jaqsmu l-esperjenzi tagħhom b’modd liberu fejn ikunu jistgħu jesprimu l-emozzjonijiet li jħossu u biex flimkien niċċelebraw dak kollu li Angele kienet temmen fih”.

Huma bosta l-persuni, b’mod speċjali qraba u ħbieb, li fakkru l-memorja ta’ Angele fosthom oħtha Antoinette Muscat li f’kitba emotiva għall-aħħar qalet li, “meta l-ġisem ta’ dawk li nħobbu ma nibqgħux narawh, tibqa’ l-imħabba. Din ma tonqosx, anzi, jekk xejn tikber… Inħobbok Angele”. 

Sport