Wednesday, April 24, 2024

“Dik il-ħarsa tfisser elf kelma”

Ġenitur ta’ tifel bl-awtiżmu jikkonferma stigma u nuqqas ta’ sensibbiltà…

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Ġenitur ta’ tifel li għandu l-awtiżmu xtaq iqajjem għarfien dwar in-nuqqas ta’ sensittività u għarfien f’pajjiżna fejn jidħlu sitwazzjonijiet li jinqalgħu bi tfal li jbatu b’din il-kundizzjoni. Dan wara każ fejn omm kellha esperjenza xejn sabiħa f’ħanut f’Tas-Sliema meta klijent barrani li kien fl-istess stabbiliment, talabha ssikket lil binha li jbati bl-awtiżmu milli jagħmel storbju. Talk.mt tkellem ma’ dan il-ġenitur b’tifel li jbati bl-istess kundizzjoni fejn b’diżappunt ċar fuq wiċċu qalilna li meta n-nies jagħtuhom dik iċ-ċerta ħarsa, “għax dik il-ħarsa tfisser elf kelma”, jinduna li n-nies ma jkunux komdi fil-preżena tagħhom.

“In-nies jarawh u aħna l-ġenituri konxji li tfal bl-awtiżmu jġibu ruħhom b’ċertu mod fosthom li jkun mferfxa u jagħtu b’idejhom. Ġieli jgħajjina ħafna anke biex sempliċiment immorru nixtru. Il-ħin kollu niġru warajh. Issa li twal minħabba li kiber, qiegħed jagħti aktar fil-għajn. Imma mhux sew li nżommuh ‘il bogħod min-nies għax aħna rriduh  jitħallat ma’ ħaddieħor. Fl-aħħar mill-aħħar m’għandu xejn ħażin u dik hija l-inklużjoni li tant ngħidu biha,” sostna dan il-ġenitur.

Il-ħsejjes li kien qiegħed jagħmel it-tifel f’Tas-Sliema kienu ta’ ferħ huwa u jilgħab bit-tablet imma klijent fl-istess ristorant ħassu urtat u ried iskitu. Dan minkejja li kien mgħarraf mill-omm bil-kundizzjoni medika tat-tifel. Din l-omm ma ġietx madura u minflok l-istess barrani rribatta li ma jinteressax x’għandu binha u nsista li kellha tieħu ħsieb li binha ma jagħmilx “wisq storbju”. 

Hija u ġenituri oħra bi tfal bl-awtiżmu, jafu kemm hemm minnhom li ma joħorġux ma’ wliedhom li għandhom l-awtiżmu minħabba nuqqas ta’ sensibbiltà u stigma. L-omm fil-fatt, kif qal il-ġenitur l-ieħor, semmiet ukoll il-fatt li jiddejqu joħorġu għax in-nies jibdew iħarsulhom b’ċertu mod.

Il-ħajja għall-ġenituri bi tfal b’kundizzjoni mhiex faċli…

Il-ġenitur li kellem lil dan is-sit qal li familji bħal tiegħu jbatu ħafna għax barra l-mod li xi nies iġibu ruħhom bih fil-konfront tagħhom u ta’ wliedhom, it-tfal bl-awtiżmu jirrikjedu ħafna ġiri ta’ terapiji li skont ma qal dan ir-raġel, m’għandhom ebda għajnuna finanzjarja. 

“Is-CDAU jarawhom darba f’mitt qamar u ddeċidejna li naqtgħuh. Ilna s-snin nagħtuh terapija privata għax f’każijiet bħal dawn jekk ma tgħinux fil-kundizzjoni tiegħu, imur lura. Il-pandemija tal-Covid-19 m’għenitx lanqas. X’jagħmel allura t-tifel? Imur lura? Ikollok tħallas kollox privat,” spjega dan il-ġenitur.

Huwa qal li ħaġa importanti ħafna li għandha ssir fil-pajjiż hija dik li żgħażagħ b’kundizzjonijiet bħalma huma l-awtiżmu, l-ADHD u d-Down Syndrome, jingħataw opportunitajiet ta’ xogħol aħjar u “mhux biss jitfgħuhom wara xi skrivanija ma jagħmlu xejn”. Sostna, li hemm bżonn li jkun sfruttat it-talent tagħhom, huwa x’inhuwa dan it-talent. 

Mistoqsi dwar x’jaħseb dwar il-mentalità lokali u x’jista’ jsir dan il-ġenitur qalilna li onestament iħoss li s-soluzzjoni għalih hija dik li jemigra “għax f’Malta għadna wisq lura”. 

Huwa temm billi qal li l-Ingliżi huma ferm aktar avvanzati minnha f’dawn l-affarijiet u fl-opinjoni tiegħu, kif ukoll ta’ ġenituri bħalu, hemm bżonn li jkun hemm kampanji ta’ għarfien għal aktar sensibbiltà pubblika u opportunitajiet aħjar għal impjiegi dinjitużi għaż-żagħżagħ u persuni bi bżonnijiet speċjali.

Sport