Friday, December 20, 2024

DIK ISSEJĦILHA ONOREVOLI?

Lorna Vassallo

Aqra wkoll

Mara xettika dwar is-sistema korrettiva tal-kwota tan-nisa fil-Parlament Malti qaltli: ‘Mara li telgħet bi ftit voti … dik issejħilha Onorevoli?”  Meta għedtilha li l-aħħar mexxej ta’ partit politiku kbir f’Malta qabel Roberta Abela li tela’ f’elezzjoni qabel ma reġa’ tela’ bħala mexxej kien Duminku Mintoff ma emmnitnix.

Għal dawk li għadhom xettiċi dwar l-abbiltajiet ta’ xi nisa fil-politika l-istorja pjuttost turina li min kiseb postu fil-parlament mingħajr ma sab postu bil-kwota f’elezzjoni ġenerali (l-hekk imsejjaħ b’mod demokratiku u bl-għażla tal-poplu), irnexxa bil-kbir.

Kull storja tal-mexxejja politiċi hija differenti.  

Pass lura jeħodna għall-Ġorġ Borġ Olivier. Dan kien elett ma’ tnejn oħra fil-Kunsill tal-Gvern fl-1939. Kien ikkontesta fuq l-Ewwel Distrett ta’ dak iż-żmien ma’ erba’ kandidati oħra. Huwa kiseb 41.44% tal-kwota u 18.59% tal-voti tal-Partit tiegħu u dakinhar kienu qed jikkontestaw id-distrett erba’ partiti politiċi. Fost dawk li kienu fuq l-istess polza tal-vot kien hemm Ugo Mifsud (wieħed miż-żewġ kapijiet tal-PN wara l-għaqda bejn żewġ partiti), Paul Boffa (Labour Party) u Gerald Strickland (Constitutional Party). 

Tikteb Lorna Vassallo

Wara li Nerik Mizzi ġie internat fl-1940, Borġ Olivier sar il-mexxej interim u meta l-istess Mizzi ġie lura, Mizzi poġġa lil Borġ Olivier bħala Deputat Mexxej tiegħu.

Duminku Mintoff

Mintoff kien Segretarju tal-Partit bejn l-1935 u l-1945 u ġie elett fil-Kunsill tal-Gvern fl-1945.  Jiġifieri ġie elett u wara rebħa tal-Partit Laburista mmexxi minn Pawlu Boffa fl-1947 sar Deputat Prim Ministru.  Wara r-riżenja ta’ Boffa, Mintoff stess waqqaf il-partit tiegħu: il-Malta Labour Party. 

Meta Dom Mintoff ikkontesta l-elezzjoni għall-ewwel darba fl-1945 il-kwota fuq id-distrett tiegħu (dak iż-żmien l-Ewwel Distrett) kienet ta’ 1770 vot.  Huwa ġab 1277 (72.15% tal-kwota) mal-ewwel għadd u n-numru ta’ kandidati laburisti kien ta’ 7.  Il-Labour Party kien ikkontesta waħdu f’dik l-elezzjoni u l-partit kien ġab 19,071 vot.  Mintoff kien elett mat-tieni għadd iżda l-għadd tal-voti wasal biss sat-tielet għadd biex telgħu l-kandidati kollha.

Bla dubju f’dawn iż-żewġ elezzjonijiet l-affarijiet kienu ferm differenti. Fost oħrajn l-ebda mara ma kienet tivvota billi dawn bdew biss jivvutaw fl-1947.   

Eddie Fenech Adami

Eddie Fenech Adami ħareġ għall-elezzjoni għall-ewwel darba fl-1966.  Ikkontesta distrett wieħed u ma telax. F’intervista li ta lill-Malta Today fl-2014, huwa qal li dak iż-żmien tpoġġa mal-lista tal-kandidati mingħajr ma ħadd staqsieh iridx jikkontesta l-elezzjoni.  Il-kwota fuq is-Sitt Distrett kienet ta’ 2284 vot.  Ġab 1194 vot (39.13% tal-kwota) u ġab ukoll 13.28% tal-voti li marru għall-PN fuq dak id-distrett.  Kien hemm għaxar kandidati nazzjonalisti fuq il-polza tal-vot u ġew eletti tlieta oħra.  Fenech Adami ġie co-opted fl-1969 meta miet il-MP Ġorġ Caruana.

Huwa tellaq għal kap tal-Partit Nazzjonalista fl-1977 u ġab l-appoġġ ta’ żewġ terzi tal-voti.  Kien PM matul iż-żmien meta mexxa l-PN u wara li rreżinja minn din il-kariga kien ukoll President tar-Repubblika mill-2004 sal-2009.

Karmenu Mifsud Bonnici

Karmenu Mifsud Bonnici ġie maħtur Deputat Mexxej mill-Mexxej ta’ qablu mingħajr ma ħareġ għall-elezzjoni imma b’konferma mill-Konferenza Ġenerali tal-Partit.  Fl-1982 kien co-opted bħala Membru Parlamentari wara r-riżenja ta’ Paul Xuereb u ngħata l-Ministeru tax-Xogħol u Servizz Soċjali.  Fl-1983 sar Deputat Pim Ministru u ngħata l-Ministeru tal-Edukazzjoni.  Sar Prim Ministru fl-1984 wara r-riżenja tal-Prim Ministru Mintoff.

Alfred Sant

Dott. Alfred Sant ħareġ għall-ewwel darba fl-ewwel elezzjoni tal-1987 wara li kien diġà attiv politikament bħala President tal-Partit.  Ma ġiex elett. Ħareġ fuq it-tmien distrett u l-kwota kienet 3053.  Ġab 7.31% tal-voti tal-partit tiegħu fuq dak id-distrett u l-partit tella’ żewġ kandidati mill-istess distrett.  Fuq l-ewwel distrett kien hemm 13-il kandidat u kien ikkontesta wkoll il-Mexxej tal-Partit ta’ dak iż-żmien, Karmenu Mifsud Bonnici li ġab 8034 vot.  L-iktar kandidat li ġab voti wara l-mexxej kien Joe Grima li kien ġab 189 unu.  Il-kwota fuq l-ewwel distrett kienet ta’ 2872. Sant tela’ fil-Parlament Malti wara co-option li nħolqot wara l-mewt tal-MP Laburista Joseph P. Sciberras fl-istess sena.  Fl-1992 sar Mexxej tal-Partit.

Lawrence Gonzi

Il-Prim Ministru Gonzi ikkontesta l-elezzjoni għall-ewwel darba fl-1987 bla suċċess fuq it-tieni u t-tielet distrett. Fuq it-tieni distrett kiseb 682 voti fl-ewwel għadd, li kienu 22.34% tal-kwota.  Il-kwota kienet 3053.  Kiseb ukoll 11.74% tal-voti miksuba mill-Partit tiegħu u fuq dan id-distrett kien hemm biss 5 kandidati Nazzjonalisti li minnhom kien tela’ kandidat wieħed fil-Parlament.

Fuq it-tielet distrett Gonzi kien ġab 1109 voti fl-ewwel għadd.  Il-PN kellu 7 kandidati b’kollox u finalment telgħu tnejn biss fil-Parlament.  Il-kwota kienet 2987 u Lawrence Gonzi kien kiseb 37.13% tal-kwota u 17.1% tal-voti miksuba mill-partit tiegħu fuq dan id-distrett. 

Huwa nħatar Speaker tal-Kamra tar-Rapprezentanti fl-1988.  Wara l-karriera tiegħu ta’ Speaker Lawrence Gonzi tela’ fil-Parlament fl-1996.

Minn whip tal-Oppożizzjoni u Shadow Minister tal-Politika Soċjali fl-1997 sar Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista.  Wara r-rebħa tal-PN fl-1998, Lawrence Gonzi nħatar Ministru. Kien Deputat Prim Ministru bejn l-1999 u l-2004. 

Żminijiet eqreb

Il-Prim Ministri, mexxejja jew kapijiet tal-Partiti kollha minn Eddie Fenech Adami sa Lawrence Gonzi ma telgħux l-ewwel darba li ħarġu għall-politika jew ma ħarġux.  Joseph Muscat u Simon Busuttil ġew eletti fil-Parlament Ewropew iżda qatt ma ħarġu għall-elezzjoni ġenerali biex daħlu fil-Parlament Malti.  Minkejja dan jistgħu jgħidu li qagħdu għall-iskrutinju tal-poplu u għaddew minnu.

Warajhom, Adrian Delia u Bernard Grech, la ħarġu għall-elezzjoni ġenerali u lanqas għall-Parlament Ewropew.  

Malta kellha tistenna mill-1977 sal-2022 sabiex jerġa’ jkollha Mexxej ta’ Partit politiku li kien diġà elett fil-Parlament qabel ma sar Mexxej / Kap. Ħamsa u erbgħin sena bl-istess raġunament li n-nisa eletti b’mijiet ta’ voti mhumiex denji tas-siġġu tagħhom, xi ħadd jiddubita li dawn l-irġiel kollha xerqilhom jissejħu Onorevoli?

Ekonomija

Sport