Thursday, December 26, 2024

Dikjarat innoċenti wara li skonta 48 sena ħabs fl-Istati Uniti

Aqra wkoll

Imħallef f’Oklahoma eżonerat raġel li kien ilu l-ħabs għal kważi nofs seklu dwar qtil fl-1974, f’dik li kienet deskritta bħala l-itwal sentenza “inġusta” fl-Istati Uniti. 

Glynn Simmons ta’ 70 sena kien inħeles f’Lulju wara li Mħallef kien ordna li l-ġuri tiegħu jerġa’ jinstema’ mill-ġdid.

F’deċiżjoni li ngħatat it-Tlieta li għadda, l-Imħallef tad-Distrett ta’ Oklahoma Amy Palumbo sabet li Simmons kien fil-fatt innoċenti. 

“Din il-Qorti ssib b’evidenza ċara u konvinċenti li r-reat li għalih Simmons ġie kkundannat u ntbagħata il-ħabs, ma twettaqx minnu,” qalet l-Imħallef Palumbo.

Fl-ewwel kummenti tiegħu mal-ġurnalisti, is-Sur Simmons qal li din kienet “lezzjoni” ta’ reżiljenza u tenaċità. “Tħallu lil ħadd jgħidulek li ma tistax ttiġri, għax fil-fatt tista’ sseħħ,” huwa żied jgħid.

Is-Sur Simmons kien skonta sentenza ta’ 48 sena ħabs b’rabta mal-qtil ta’ Carolyn Sue Rogers waqt serqa f’ħanut tax-xorb fis-subborg ta’ Oklahoma. Dan jagħmlu l-aktar priġunier li dam jiskonta sentenza u wara ġie lliberat, skont ir-Reġistru Nazzjonali tal-Eżonerazzjonijiet.

Is-Sur Simmons kellu 22 sena meta hu u ko-akkużat, Don Roberts, kienu nstabu ħatja u kkundannatu għall-mewt fl-1975. Din il-piena mbagħad inbidlet f’waħda ta’ għomor il-ħabs.

Simmons sostna li huwa kien fl-istat ta’ oriġini tiegħu f’Louisiana fil-ħin li seħħ id-delitt. F’Lulju li għadda, Qorti distrettwali ħassret is-sentenza wara li sabet li l-prosekuturi ma kinux ippreżentaw l-evidenza kollha lill-avukati difensuri, inkluż li xhud kien identifika suspettati oħra f’dan il-każ.

Persuni kkundannati b’mod żbaljat li jiskontaw piena ta’ ħabs f’Oklahoma huma eleġibbli li jieħdu kumpens sa $175,000. 

Ekonomija

Sport