Dillon Mamo, suldat fl-Forzi Armati ta’ Malta (AFM), wettaq prestazzjoni impressjonanti fir-ring tal-kickboxing, fejn kiseb rebħa spettakolari b’‘knockout’ fl-ewwel rawnd waqt konfront nazzjonali fit-18 ta’ Ottubru.
Mamo, li jservi fl-Ewwel Reġiment tal-AFM, kellu bżonn minuta u 28 sekonda biss biex jegħleb lill-avversarju tiegħu, permezz ta’ daqqa qawwija bl-irkoppa li ġabet it-taqbida fi tmiemha qabel iż-żmien.
Din ir-rebħa wriet il-ħila ta’ Mamo fl-attakk, id-determinazzjoni tiegħu, u t-tħejjija li għamel taħt il-gwida tal-kowċ tiegħu, l-eks suldat tal-AFM, l-Istaff Surġent Noel Merceica.
Wara dan is-suċċess konvinċenti, Mamo issa qed jipprepara għal sfida internazzjonali importanti fit-28 ta’ Novembru, fejn se jaffaċċja avversarju mill-Malażja f’konfront fejn se jkun fil-logħob it-titlu prestiġjuż internazzjonali tal-WKN.
Dan il-konfront li jmiss jirrappreżenta opportunità sinifikanti għall-kickboxer Malti biex juri l-abbiltajiet tiegħu fuq livell internazzjonali.
Il-Forzi Armati ta’ Malta ferħu lil Mamo għal dan is-suċċess eċċellenti u awgurawlu l-isbaħ affarijiet hekk kif qed iħejji ruħu għall-ġlieda li jmiss għat-titlu.




