Bħal donnu għax ma jistgħux itajjru lill-Kap tagħhom Bernard Grech, tar-Repubblika dawwru l-kanuni fuq l-ispeaker Dr Anglu Farrugia. Taħsbux li qed niċċajta! Li ma jistgħux ineħħu lil Bernard Grech, qalulna din il-ġimgħa d-Deputat Nazzjonalista Hermann Schiavone, meta mistoqsi jekk il-Kap attwali għadux ikollu l-istess trattament li rċieva l-predeċessur tiegħu Adrian Delia. Ma ninsewx li Delia spiċċa barra minħabba surveys ħżiena li kien qiegħed jirċievi l-Partit Nazzjonalista. Issa reġgħu qegħdin fl-istess sitwazzjoni jekk mhux agħar.
F’dawn l-aħħar ħmistax ġew ippubblikati tliet surveys li kollha wrew maġġoranza ikbar mill-elezzjoni ġenerali li għaddiet. Ir-raġuni li Schiavone tana hija, li d-deputati jinsabu b’idejhom marbutin biex ineħħu l-Kap tagħhom minħabba li bħalissa qegħdin fl-aħħar tal-leġiżlatura, b’elezzjoni ġenerali wara l-bieb. Allura, il-klikka fi ħdan il-Partit Nazzjonalista, diretti jew indiretti, qed idawru l-kanuni fuq l-ispeaker tal-Kamra Dr Anġlu Farrugia.
Ħa ngħidha ċara mill-ewwel; sabu ħajt sod quddiemhom. Jidhru li għadhom ma jafuhx lil Dr. Anġlu Farrugia. Bniedem rett, serju u li jaf jagħmel xogħlu b’mod professjonali.
Fuq kollox dawn ta’ Republika u klikka żgħira mill-Partit Nazzjonalista qed jattakkaw lil Dr Farrugia għax għamel xogħol u ħa d-deċiżjonijiet li kellu jieħu. Però, din id-darba ħa deċiżjoni li huma xtaquha li tkun differenti. Ara meta fil-passat kien hemm deċiżjonijiet li għoġbuhom, hemmhekk ma qalu xejn u ma kellhom l-ebda problema. L-istess ħaġa bħal ma jagħmlu fil-Qorti. Meta tittieħed xi deċiżjoni li taqbel lejhom mhux problema, imma jekk ikun hemm deċiżjoni li ma jaqblux magħhom jinfexxew jattakkaw.
Xejn gdid. Dan huwa l-istess Partit Nazzjonalista li Kap wara Kap dejjem uża’ dawn it-tattiċi negattivi u ta’ attakki personali kontra dak u l-ieħor biex forsi jieħu vantaġġ politiku minnha.
Dawn huma l-istess nies li xebgħu jgħajtu fuq il-Governanza tajba u fuq kemm jaħdmu jew le l-istituzzjonijiet tal-pajjiż. Kien hawnhekk fejn intervjena l-Prim Ministru Robert Abela fil-Parlament u wieġeb bl-aktar mod ċar, li ‘tirrispetta l-istituzzjonijiet għax temmen fihom’. L-istituzzjonijiet ma tirrispettahomx meta jaqbillek, jew tiddeċiedi meta għandek temmen fihom u meta tista’ tattakkahom.
Dawn l-attakki mhux ser jaqtgħulna qalbna, iktar u iktar meta nafu li l-poplu jinsab magħna. In-nies qegħdin jirrikonoxxu l-ħidma li qegħdin inwettqu bħala Gvern. Navżakom minn issa li dawn l-attakki mhux ser jieqfu. Dawn in-nies drajniehom u mhux ser jinbidlu. Għaldaqstant irridu nkunu preparati u sodi għaż-żmien li ġej. Nappellalkom għall-kalma biex ma naqgħux għall-provokazzjonijiet tagħhom imma ma jfissirx li ser inħalluhom jgħidu u jagħmlu li jridu.
Dan huwa l-mod li rridu nimxu bih. Bil-kalma imma sodi, nispjegaw il-fatti u l-poplu tagħna li huwa intelliġenti biżżejjed ikun jista’ jgħarbel u jinduna li aħna dejjem konna onesti miegħu. Aħna nagħmlu dak li huwa neċessarju u mhux għal vantaġġ politiku tagħna jew tal-poter.