Lejn tmiem Awwissu, Piero Cipellone membru tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew stqarr li dik li tissejjaħ stagflation – sitwazzjoni fejn il-prezzijiet jiżdiedu waqt li l-ekonomija tibqa’ staġnata – hi possibilità remota fl-Ewropa. Filfatt, ir-rata tal-inflazzjoni fiċ-ċirkostanzi attwali hi pjuttost sodisfaċenti. Ma splodietx kif ħafna stennew malli l-gwerra kontra l-Iran marret żmerċ għall-Amerikani. Biss it-theddida li l-prezzijiet jirrankaw hemm għadha, bl-inċertezzi li ġabu magħhom il-gwerer fl-Ukrajna u fl-Iran.
Madankollu, l-ekonomija Ewropea ftit qed turi sinjali inkuraġġanti. Fil-pajjiżi l-kbar, it-tħassib dwar x’jista’ jsir biex il-qagħda titjieb kiber. Il-gvernijiet jitkellmu dwar il-ħtieġa ta’ ristrutturar imma donnhom inkapaċi jwettquh. L-inkwiet dwar il-qagħda tal-baġits tal-gvern f’pajjiżi kbar bħal Franza u l-Italja (biex ma nsemmux ir-Renju Unit) ma qatax. Setturi kruċjali tal-industrija Ewropea (bħal tal-karozzi fil-Ġermanja) jinsabu fi kriżi. U kważi l-gvernijiet kollha Ewropej jinsabu mehdija bil-problema ta’ kif l-aħjar jilqgħu għall-isfida politika dejjem tikber (jew hekk qed jarawha) tal-lemin estrem.
***
ĠURIJA DELL
Tgħid daħlet ukoll f’Malta l-prattika tal-ġurija dell? Dil-mistoqsijia setgħet qamet fost min segwa x’kien qed jiġri fil-qrati Maltin matul l-aħħar xahrejn. Dehru sinjali li seta’ kien hemm xi ħaġa hekk għaddejja.
Ġurija dell hi magħmula minn grupp ta’ persuni li jkunu jixbhu fil-karattru, esperjenza eċċ lil dawk f’ġuri importanti li jkun għaddej. Imqabbda minn parti jew oħra involuta fil-ġuri “propja”, il-ġurati dell jagħtu r-reazzjonijiet tagħhom għal li jkun għaddej fil-qorti. B’hekk, in-naħa li tqabbadhom għal dax-xogħol tista’ tkejjel kemm qed tkun effettiva l-istrateġija tagħha ta’ difiża jew akkuża biex taddattaha minn jum għall-ieħor.
Fl-Istati Uniti u f’imkejjen oħra, dit-teknika qabdet sew mid-dehra. L-ewwel li ntużat bil-kbir kien fil-ġuri ta’ O J Simpson. Ftit hi differenti mit-teknika tal-focus groups li tintuża fil-politika u f’kampanji ta’ marketing minn korporazzjonijiet kbar.
***
IL-BAĦAR MALTI
Bid-deċiżjoni kuraġġuża tiegħu li jibdel isem l-Għadira ta’ Ontario għal l-Għadira tal-Amerika, Donald Trump tana l-eżempju. Inkunu ġwejjef jekk ma nsegwuhx.
Ninsabu fiċ-ċentru tal-Baħar tagħna. Mil-lvant għall-punent, mill-punent għall-lvant, bil-qagħda strateġika tagħna niddominawh. Biss matul is-sekli, ħallejna lil ħaddieħor idaħħal ismu f’partijiet minnu bl-aktar wiċċ tost– il-Baħar Tirrenju, Adriatiku, Ionjan… L-agħar imbagħad l-isem ta’ Baħar Mediterraneju, qisha Malta ma teżistix…
Wasal iż-żmien biex dan kollu jinbidel. Fuq l-ezempju tas-sur Trump, il-Prim Ministru messu minnufih jiffirma deċiżjoni eżekuttiva biex jibdel isem il-Baħar. Minn Mediterran, jagħmlu l-Baħar ta’ Malta. Dil-bidla tiddaħħal mhux biss fil-mapep tal-“Mediterran” imma f’kull kumnikat li joħroġ mis-setturi governattivi u privati kollha, Maltin u barranin, fejn issir referenza għall-Baħar tagħna.


