Wednesday, July 24, 2024

Disa’ persuni inkluż tifel imutu waqt attività politika fil-Messiku

Aqra wkoll

Il-poplu Messikan jinsab biss ġimgħa l-bogħod mill-elezzjoni biex jinħatar il-president ġdid tal-pajjiż. Għalhekk, il-kampanja elettorali fil-pajjiż tinsab fl-aqwa, tant li ilbieraħ kien organizzat rally politiku fil-belt ta’ San Pedro li t-tmiem tiegħu kien wieħed traġiku.

Dan hekk kif disa’ persuni, fosthom tifel mietu wara li ċediet struttura fuq palk waqt li kien se jitkellem il-kandidat presidenzjali Jorge Alvarez Maynez. Intant, huwa maħsub li b’kollox kien hemm madwar 50 persuna li ndarbu.

Huwa mifhum, li Maynez ma ġarrab ebda ġrieħi, tant li wara li seħħ l-inċident, huwa deher jitkellem man-nies li kien hemm preżenti. Ġie rrapurtat illi kollox jindika li din it-traġedja seħħet kawża ta’ riħ qawwi u s-sitwazzjoni tat-temp fil-pajjiż.

Kemm minħabba l-inċident li seħħ, kif ukoll sabiex ma jkunx hemm iktar inċidenti, inħarġet twissija biex in-nies joqogħdu ġewwa minħabba r-riħ qawwi u l-maltemp li bħalissa qed jaħkem lill-pajjiż.

Il-Gvernatur tal-Istat, Samuel Garcia kompla mat-twissija li ħarġu l-awtoritajiet, fejn ħeġġeġ lil kulħadd sabiex jevita li joħroġ minn daru u infurmahom li hu se jkun qiegħed jżomm lil kulħadd aġġornat dwar dak li qiegħed jiġri.

Il-President Messikan attwali, Andrés Manuel López Obrador qal li qed jibgħat “tgħanniqa lill-membri tal-familja, ħbieb tal-vittmi u partitarji politiċi”.

It-tħejjija għall-elezzjoni, li għandha ssir fit-2 ta’ Ġunju, kienet fost l-aktar fatali fl-istorja tal-pajjiż. Stħarriġ reċenti li jagħmel parti mill-politika Messikana wera li madwar 200 impjegat pubbliku, politiku u kandidat ġew maqtula jew mhedda qabel l-istħarriġ.

Ekonomija

Sport